Futbol internazzjonali
Messi jinsab imweġġa’ … ġirja kontra l-ħin biex ikun jista’ jilgħab kontra Manchester City fiċ-Champions League

Lionel Messi jinsab imweġġa’ u mhux ser ikun parti mit-tim li l-Erbgħa filgħaxija ser jaffaċċja lil Metz f’Ligue 1. L-attakkant Arġentin ġie mibdul kwarta mit-tmiem fil-logħba kontra Lyon waqt li l-iskor kien 1-1. Evidentament frustrat, Messi qas biss ħa b’idejn il-kowċ Mauricio Pochettino hu u ħiereġ mill-grawnd, bil-kowċ Pochettino wara l-logħba jikkummenta li ċertu deċiżjonijiet kultant ikollhom jittieħdu għall-ġid tat-tim. Fil-konferenza tal-aħbarijiet wara l-konfront, Pochettino għamilha ċara li qala’ lil Messi biex jibża’ għalih u ma jweġġgħax. “Kultant il-plejers jaqblu u drabi oħra ma jaqblux. Wara l-logħba Messi qalli li fehem id-deċiżjoni tiegħi,” temm jgħid Pochettino.

F’dak il-konfront Pochettino ngħata r-raġun għaliex il-gowl ta’ Mauro Icardi mat-tielet minuta fuq il-ħin regolamentari kien ifisser li PSG jieħdu tliet punti oħra, did-darba minn fuq Lyon. B’hekk s’issa l-Pariġini għadhom ma tilfu l-ebda logħba. U biex tkompli tkun ikkonfermata kemm id-deċiżjoni ta’ Pochettino kienet tajba, issa sar magħruf li Messi jinsab imweġġa’.

Fil-logħba kontra Lyon l-attakkant ta’ 34 sena deher jogħrok irkopptu u jiddritta siequ waqt li kien għadu fil-grawnd. U għalkemm Messi wera lill-bankina li kien f’sikktu, Pochettinho ddeċieda li jibdlu. Jidher li PSG iridu li Messi jkun f’sikktu għal-logħba importanti taċ-Champions League l-ġimgħa d-dieħla, meta l-Pariġini ser jilagħbu kontra Manchester City. S’issa Messi għadu ma sabx ix-xibka ma’ Paris Saint-Germain.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA