BOV Premier League 2021/22
Messias jagħti rebħa importanti lil Maroons

KAMPJONAT BOV 2021/22

Ħamrun Spartans………0

Gżira United………………1

Gowl waħdani ta’ Yuri Messias kien biżżejjed sabiex Gżira United jirbħu logħba importanti kontra Ħamrun Spartans.

Kienet meqjusa bħala waħda mill-iktar logħbiet mistennija ta’ tmiem il-ġimgħa. Ir-rivalita’ bejn Gżira u Ħamrun reġgħet ġiet imġedda f’konfront fejn it-tnejn li huma ma setgħux ifallu iżjed punti.

Il-Maroons bdew tajjeb l-ewwel taqsima fejn kellhom l-aħjar ideat u ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor.

Lanqas laħqu għaddew żewġ minuti u proprju Gżira jolqtu l-lasta meta xutt ta’ Nikolai Muscat ħabat mal-wieqfa.

Fit-23 minuta, l-istess Gżira fallew ċans tad-deheb hekk kif Martin Davis għadda lejn Yuri Messias li x-xutt tiegħu spiċċa inkrebbilment għoli.

Daqqa ta’ ħarta għal Ħamrun meta fit-43 minuta, Dodo Soares weġġa’ serjament bl-istess plejer li kellu jabbanduna l-grawnd b’ambulanza.

Eżatt lejn tmiem l-ewwel taqsima, kien hemm ħarġa ħażina tal-gowlkiper ta’ Ħamrun Sanchez, b’Jefferson li naqas milli japprofitta bl-aħjar mod.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq fi dro ta’ 0-0.

Bdiet it-tieni taqsima u Ħamrun resqu viċin meta xutt ta’ Isaac Ntow ra l-aħjar mill-gowlkiper Gżirjan Anthony Curmi.

Fl-64 minuta, l-istess Curmi kellu jixħet il-ballun għall-korner wara daqqa ta’ ras ta’ Karl Micallef,

Curmi kien qed ikun l-iktar gowlkiper impenjat fit-tieni taqsima hekk kif kellu jinxteħet fuq in-naħa leminija tiegħu sabiex jilqa’ tajjeb frikik ta’ Artur Oyama.

Fis-76 minuta, kien difensur ta’ Gżira United li qala’ minn fuq il-linja lob tajjeb ta’ Faissal El Bakhtaoui.

Madankollu kienu Gżira United li marru minn fuq fl-84 minuta meta wara azzjoni ferm veloċi u wara kross mil-lemin kien Yuri Messias li bir-ras għeleb lil Sanchez.

Dak kien il-gowl li ssiġġilla r-rebħa Gżirjana li issa jqawwu qalbhom għall-istaġun u b’Ħamrun b’wiċċhom imkemmex li spiċċaw idhom f’idhom minn dan il-konfront.

Ħamrun: Pablo Sanchez, Darko Gojkovic, Joseph Mbong, Jorge Soares (Arthur Oyama 43 min), Franklin Sasere (Soufiane Lagzir 83 min), Luke Gambin, Juan Carlos Corbalan, Karl Micallef, Isaac Ntow, Emerson Marcelina (Matthew Guillaumier 54 min), Faisal El Bakhtaoui.

Gżira United: Anthony Curmi, Gabriel Bohrer Mentz, Luke Tabone, Nikolai Muscat (Clive Gauci 62 min), Steven Pisani (Zachary Scerri 79 min), Yuri Messias, Martin Davis, Nevin Portelli, Thiago Espindola, Jefferson de Assis (Maxuell Maia 56 min), Jackson Mendoza.

Referi: Slobodan Petrovic

Riżultat Finali: Ħamrun 0 Gżira 1

Miktub minn...
Rodney Vassallo