Futbol lokali
MFA, LĠA: “Sentejn ilu kont għidt li dan se jkun l-aħħar terminu tiegħi. Iżda ċ-ċirkostanzi jistgħu jinbidlu” – Darmanin Demajo, President

Is-Sibt filgħodu saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Football Association fejn fiha nqraw ir-rapport amministrattiv, ir-rapport finanzjarju, saret l-elezzjoni tal-Eżekuttiv għall-‘membri overall’ u d-diskors tal-għeluq tal-President Norman Darmanin Demajo.

Il-Laqgħa ħadet mal-erba’ sigħat u fiha kien hemm preżenti mal-150 persuna mill-klabbs kollha, assoċjazzjonijiet membri, membri tal-media u staff tal-Assoċjazzjoni.

Il-President jindirizza l-Laqgħa

Qabel ma għalaq il-Laqgħa, Norman Darmanin Demajo, tkellem dwar il-pożizzjoni personali tiegħu, hekk kif it-terminu tiegħu fil-kariga ta’ President jintemm fis-sajf li ġej u li sa dak iż-żmien ikun għamel  disa’ snin fis-siġġu.

Darmanin Demajo qal li fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ sentejn ilu, kien qal li dan se jkun l-aħħar terminu, iżda minn dakinhar sal-lum inbiddlu ħafna ċirkostanzi u allura, skont Darmanin Demajo, jeħtieġ li fl-MFA tibqa’ tinżamm l-istabbilità, kemm għall-klabbs u anki għal dawk kollha involuti.

“Jien kont għidt li dan se jkun l-aħħar terminu tiegħi skont iċ-ċirkostanzi ta’ dak iż-żmien, iżda ċ-ċirkostanzi jistgħu jinbidlu. Dakinhar kellhi ħafna nies li kienu miegħi u bdew miegħi u allura kont ċert li stajna nagħtu ‘hand over’ tajba. Ma jfissirx li qed nitrabat ma’ li għidt dak iż-żmien għax wieħed irid jaġġusta skont iċ-ċirkostanzi tal-ġurnata. Jien qiegħed hawn ta’ servizz għalikom u xejn aktar,” qal Darmanin Demajo.

Il-President tal-MFA qal ħass li għandu jgħaddi dawn ir-rimarki fuq il-pożizzjoni personali tiegħu għaliex f’kull ċirkostanza tal-ħajja, kull meta jista’ jkun hemm xi elezzjoni, dejjem jinqala’ xi ‘gossip’ u diskors, anki ta’ kitba fuq il-media soċjali. Darmanin Demajo appella biex ħadd ma jagħti kas ta’ xejn u x’jingħad fuqu, sakemm ma tinstemax minn fhommu.

Darmanin Demajo qal li fil-kamra quddiemu għad fadal ħafna persuni li għadhom jirrispettawh u jappoġġjawh u għalhekk qal li kien qed iħoss li għandu jitkellem dwar dan kollu.

Il-President tal-MFA qal li fix-xhur li ġejjin jixtieq li jibda jiltaqa’ mal-membri tal-kamra tal-Laqgħa Ġenerali Annwali biex jieħu l-opinjoni tagħhom jekk għandux ikompli fil-kariga tiegħu jew le.

“Naħseb għandi nibda nisma’ l-ħsibijiet tagħkom fuqi biex nara għandix inkompli jew le. Ix-xogħol tagħna mhux faċli. Ix-xogħol tagħna mhux bħal ta’ xi ħadd fl-uffiċju li jaħdmu mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Ix-xogħol tagħna ma jispiċċa qatt” qal Darmanin Demajo.

Darmanin Demajo qal li dak li seta’ nqala’ fl-aħħar jum u snin minħabba deċiżjonijiet li ħa se jkun qed iġorr ir-responsabbiltà tagħhom hu personali. Hu qal li d-deċiżjoni li għad irid jieħu mhux se tkun waħda faċli għax tinvolvi ħafna ħsieb li jirrigwarda l-futur tiegħu.

“Hemm fatt ieħor dwari. Li jien illum qed nikber. M’għadnix li kont tmien snin ilu. U dak hu fatt li rrid nikkonsidra wkoll,” qal Darmanin Demajo.

Darmanin Demajo qal li matul l-istaġun li ġej, il-Malta Football Association se tkun qed tagħti lill-klabbs Maltin mas-€760,000. Dawn se jingħataw fi ħlasijiet tal-iskema tal-amministraturi, flus li se jingħataw lill-klabbs bħala dħul garantit tal-‘gate money’, u kumpens ġdid li jingħata lil kull tim li jilgħab plejer eliġibbli li jagħmel parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena.

 Elezzjoni għall-Eżekuttiv ‘Membri Overall’

Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA, saret l-elezzjoni bejn erba’ kontestanti għal min jirbaħ l-aħħar żewġ siġġijiet fil-kamra tal-Eżekuttiv.

Joe Sammut, f’isem Pietà Hotspur FC u Paul Famzon, f’isem St Andrews FC, ġew eletti. Sammut ġab ammont kbir ta’ voti, 81, mentri Falzon ġab 48 vot li kienu biżżejjed meta wieħed jikkonsidra elezzjoni bejn erba’ li fiha vvutaw mal-100 persuna.

Paul Spiteri, f’isem Valletta FC ġab 45 vot mentri Dr Ian Micallef, f’isem Gżira United FC, ġab 38 vot.

Aġenda

Intant, l-aġenda tal-Laqgħa Ġenerali Annwali 2018 kienet tinkludi fiha l-verifikazzjoni tad-delegati ntitolati li jivvutaw; l-approvazzjoni tal-minuti tal-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali li kienet saret fil-15 ta’ Lulju 2017; l-approvazzjoni tar-rapport amministrattiv; l-approvazzjoni tar-rapport finanzjarju; l-elezzjoni tal-Eżekuttiv għall-‘membri overall’; nominazzjoni tal-awdituri għas-sena 2018/19; alternazzjonijiet fl-Istatut tal-Assoċjazzjoni u l-mozzjonijiet.

Rapport amministrattiv

Dr Angelo Chetcuti, Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association, qara r-rapport amministrattiv tal-aħħar sena.

Chetcuti tkellem dwar ix-xogħol li sar fl-Assoċjazzjoni u li l-istess Assoċjazzjoni għamlet fil-klabbs matul l-aħħar xhur. Chetcuti faħħar ix-xogħol li sar fil-Kunsill, fl-Eżekuttiv, u fil-Kumitati u l-Bordijiet kollha li għandha l-MFA.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA faħħar ix-xogħol li sar fiċ-Ċentru Tekniku, fit-timijiet nazzjonali u fil-qabża ta’ livell li saret fid-diviżjonijiet kollha tal-kampjonati lokali.

Chetcuti qal li matul l-aħħar sena komplew jiżdiedu l-inizzjattivi biex il-futbol Malti jilħaq dejjem aktar in-nies u li ngġatat aktar għajnuna lill-amministrazzjoni tal-klabbs.

Rapport finanzjarju

Ivan Mizzi, Teżorier tal-Malta Football Association, qara r-rapport finanzjari għas-sena li għalqet f’Marzu 2018.

Mizzi qal li l-MFA kellha dħul ta’ €7,596,451 u infiq ta’ €6,533,438 u €805,011 dipprezzament.

Skont ir-rapport finanzjarju tal-MFA, is-salarji li jkopri l-amministrazzjoni tal-Assoċjazzjoni, ċ-ċentru tekniku u l-immaniġġjar tal-faċilitajiet sportivi jaqbżu €2.2 miljun. Meta din iċ-ċifra titqabbel mal-2017, wieħed jinnota li kien hemm żieda ta’ aktar minn 20% fil-pagi tal-amministrazzjoni.

Skont ir-rapport finanzjarju, l-assi tal-MFA jammontaw għal €19-il miljun.

Ivan Mizzi qal li l-MFA użat ammont ta’ fondi mingħand il-FIFA bil-quddiem u dawn ġew kategorizzati bħala dħul differit u skont ir-rapport amministrattiv dawn jammontaw għal kważi €7 miljuni.

 

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Marc Marquez jinsab viċin it-titlu mondjali u kkonferma dan f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu. Marquez qal li t-tim tiegħu Honda jixtieq jiċċelebra t-titlu mondjali b’rebħa oħra f’darhom il-Ġappun fejn proprju se ssir…

Futbol lokali

Fil-jiem li għaddew, tħabbret il-mewt ta’ Ġużi Bonnici, ‘il-Jummi’, ex-gowlkiper ta’ Hamrun Spartans. Bonnici kien għamel l-aqwa tal-karriera tiegħu ma’ Hamrun Spartans fis-Snin ’50 u ’60. Gużi Bonnici miet fl-età…

Futbol lokali

L-attakkant ta’ Valletta Kyrian Nwoko jista’ jkun qiegħed jilgħab l-aħħar ġimgħat bil-flokk tat-tim Belti, meta huma mistenni li jingħaqad mat-tim ta’ Scunthorpe United f’League One, fl-Ingilterra. Fl-aħħar logħba lit-tim nazzjonali…

Aktar