Olimpijadi TOKYO 2020
Michael Baker jgħid li d-deċiżjoni li l-Olimpjadi jsiru hija assurda

Professur tas-Saħħa minn New Zealand qed jgħid li l-Olimpjadi tas-sajf li ġej għandhom jiġu kkanċellati.

Michael Baker, li huwa wieħed mill-konsulturi tal-Gvern ta’ New Zealand, qal li d-deċiżjoni tal-Ġappun li jibqa’ jipprepara għall-Olimpjadi hija ‘assurda’ u ‘ġennata.’

Skont Baker, biex l-Olimpjadi jsiru, il-Ġappun trid tieħu attitudni ta’ tolleranza żero, bħalma għamlu l-Awstralja u pajjiżu. Skontu, il-Ġappun mhux jagħmel biżżejjed biex jiġġieled il-pandemija u dan ser ikollu effett matul l-Olimpjadi li ser isiru f’Tokjo f’Lulju li ġej.

Michael Baker qed jgħid li huwa impossibbli li matul l-Olimpjadi ma jkunx hemm atleti jew persuni oħra mill-kontinġenti li ma jkollhomx il-Covid-19, u dan meta ser ikollok mal-100,000 persuna sejrin lejn il-Ġappun fl-istess perjodu. Baker qed jgħid li l-fatt li min ser jivvjaġġa lejn il-Ġappun mhux ser joqgħod kwarantina, ser jagħmilha aktar possibbli li l-virus jinxtered, li jiddaħħlu l-varjanti, u li allura s-sitwazzjoni tkompli ssir aktar allarmanti. Skont Michael Baker, jekk mhux ser ikun hemm ristrezzjonijiet, il-pandemija ser taffettwa lid-dinja kollha b’varjanti ġodda, għaliex l-atleti u l-kontinġenti ser iġorru l-virus magħhom meta jirritornaw pajjiżhom.

Id-Direttur tal-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Plejers, li tirrappreżenta eluf ta’ sportivi madwar id-dinja, qal li l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jrid jagħmel aktar biex ikunu ċerti li l-Olimpjadi ta’ Tokjo jgħaddu b’wiċċ il-ġid.

F’kummenti lil Reuters, Brendan Schwab qal li hemm diversi aspetti li qed jinkwetawhom, fosthom il-protkolli tal-atleti u ta’ persuni oħra li ser ikunu f’Tokjo għal-Logħob Olimpiku.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u l-gvern Ġappuniż qed jaffaċċjaw pressjoni kbira biex jikkanċellaw l-Olimpjadi, jew għallinqas jipposponu għal data oħra. Dan fid-dawl li l-Ġappun għaddej minn mewġa oħra ta’ każijiet ta’ Covid-19.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qed jgħid li ser ikun hemm ittestjar tal-masses matul l-Olimpjadi, u l-interazzjoni bejn l-atleti u l-kontinġenti ser tinżamm baxxa ħafna. Min-naħa tiegħu, Brendan Schwab qed jitfa’ d-dubji dwar kemm il-protokolli huma ristrettivi, u qed isostni li jista’ jsir ħafn’aktar b’mod speċjali dwar il-kwarantina.

Skont Schwab, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali mhuwiex jisma’ dak li qed jgħidulu, u għalkemm fadal xahrejn sakemm jibdew l-Olimpjadi u forsi s-sitwazzjoni tista’ tmur għall-aħjar fil-Ġappun, l-arloġġ qed idur u ma’ kull ġurnata li tgħaddi l-Logħob Olimpiku qed jersaq dejjem aktar viċin.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA