Olimpijadi TOKYO 2020
Mill-Awstrija għall-Polonja u s-saga ta’ Tsimanouskaya għadha għaddejja

L-isprinter tal-Belarus Krystsina Tsimanouskaya finalment spiċċat il-Polonja wara li qabdet ajruplan tal-linja tal-ajru Pollakka lejn Varsavja.

Is-saga ta’ Tsimanouskaya kompliet titħabbel hekk kif ilbieraħ kellha tħalli Tokjo fi triqitha lejn il-Polonja, imma minħabba miżuri ta’ sigurtà hija qabdet titjira lejn Vjenna, l-Awstrija. Ftit wara li waslet, hija qabdet titjira minn Vjenna għal Varsavja, f’dak li qed jiġi mqabbel ma’ l-episodji li kienu jseħħu fil-Gwerra l-Bierda.

Is-saga ta’ Tsimanouskaya bdiet il-Ħadd li għadda wara li l-coaches tal-Kumitat Olimpiku tal-Belarus kienu rrabjati ħafna għall-kritika indirizzata lejhom, tant li ordnawlha tirritorna lura pajjiżha u ma tikkompetiex fil-heat tal-200 metru. Min-naħa tagħha, Tsimanouskaya m’aċċettatx li tirritorna pajjiżha u talbet l-assistenza tal-pulizija Ġappuniża, kif ukoll għajnuna mill-Ambaxxata Pollakka li ħarġitilha viża sabiex tkun tista’ tidħol fil-Polonja.

Dan il-każ qed jirrifletti ikraħ fuq il-President tal-Belarus Alexander Lukashenko, li fil-preżent għandu diversi sanzjonijiet mill-Punent. Rapporti mill-Belarus qed jgħidu li r-raġel ta’ Tsimanouskaya diġà ħarab mill-pajjiż, filwaqt li hemm il-biża’ li l-familja tal-atleta tispiċċa mhedda minħabba dak li qiegħed iseħħ.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA