Futbol internazzjonali
Mill-ġimgħa d-dieħla l-FIFA ser tibda tispezzjona l-ibliet għat-Tazza tad-Dinja 2026

Il-FIFA mistennija tibda l-ispezzjonijiet tagħha biex ikun magħruf fejn ser tkun ospitata l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026., L-ispezzjonijiet ser isiru bejn il-15 u t-23 ta’ Settembru u ser ikunu kkonċentrati fuq disa’ bliet fl-Istati Uniti, Boston, Nashville, Atlanta, Orlando, Washington DC, Baltimore, New York/New Jersey, Philadelphia u Miami.

Barra dawn, hemm tmint ibliet Amerikani oħra flimkien ma’ tlieta Messikani u tnejn Kanadiżi li ser isiru spezzjonijiet fihom lejn l-aħħar ta’ Novembru li ġej.

F’dan il-perjodu, il-FIFA trid tagħżel liema ser ikunu s-sittax-il belt li t-Tazza tad-Dinja ser tkun ospitata fihom. Għall-ewwel darba fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja, l-edizzjoni tal-2026 ser tkun ospitata minn tliet pajjiżi differenti, l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada.

Oriġinarjament il-ħsieb kien li l-Istati Uniti jkollha 10 ibliet li jospitaw il-logħob, u tlett ibliet kull wieħed għall-Messiku u l-Kanada. Biss qamu ċertu problemi ta’ loġistika wara li Montreal waqqaf l-interess li jospita l-logħob, u ħalla biss lil Edmonton u Toronto. Kien hemm għidut li l-belt ta’ Vancouver setgħet tidħol fl-istorja, imma ma seħħ xejn fir-realtà.

It-Tazza tad-Dinja 2026 ser tkun komposta minn 80 logħba minħabba l-adizzjoni tat-timijiet, 48 b’kollox. Jidher li l-ftehim hu li 60 logħba minnhom jintlagħbu fl-Istati Uniti, filwaqt li fil-Kanada u l-Messiku jintlagħbu għaxar logħbiet f’kull pajjiż.

It-tim tal-FIFA li ser jispezzjona l-ibliet ser ikun immexxi mill-Viċi President Victor Montagliani li huwa wkoll il-President tal-CONCACAF. Miegħu ser ikun hemm Colin Smith, il-Kap tat-Turnew u l-Uffiċjal tal-Attivitajiet tal-FIFA, kif ukoll esperti oħra mqabbda mill-FIFA fuq aspetti varji.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA