Tennis
“Min irid jieħu sehem fl-Open tal-Awstralja jrid jitlaqqam,” kelliem għall-Gvern Awstraljan

It-tennisti li qed jippjanaw li jieħdu sehem fl-Open tal-Awstralja s-sena d-dieħla jridu jkunu mlaqqma kontra l-Covid-19. Kelliem għall-Gvern Awstraljan għamilha ċara li tennisti mhux imlaqqma mhux ser jitħallew jikkompetu f’Melbourne Park.

L-istat ta’ Victoria għadu kif ħareġ mandat għall-atleti professjonali li jridu jkunu mlaqqma biex jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet fil-pajjiż, u jidher li l-istess mandat ser jinkorpora lil atleti li jidħlu minn pajjiżi oħra. Il-Ministru għall-Isport Martin Pakula ħeġġeġ lill-atleti biex ma jħallu l-ebda dubju, u jitlaqqmu minnufih.

Jidher li numru ta’ tennisti mhumiex konvinti li għandhom jitlaqqmu, fosthom is-Serb Novak Djokovic li s’issa għadu ma ħax it-tilqima kontra l-Covid-19. Skont il-kelliem tal-Gvern Awstraljan, it-tennisti mlaqqma ma jkollhomx għalfejn jagħmlu l-14-il jum kwarantina u jkunu aktar liberi li jduru fl-istat ta’ Victoria.

Melbourne, il-belt kapitali ta’ Victoria, ilha f’lockdown għal xhur sħaħ bit-tama li jkun ikkontrollat il-varjant Delta.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA