Futbol lokali
Mini-Football: White Eagles jibqgħu konsistenti

Kampjonat tal-Mini-Football 2019/2020

White Eagles baqgħu għaddejjin bit-triq tar-rebħ u jinsabu fil-kmand tal-klassifika tal-Malta Mini-Football League. Hekk kif intlagħbet is-sitt ġurnata ta’ dan il-kampjonat dan it-tim għadu b’punti massimi matul dan l-istaġun u jinsab favorit li jirbaħ l-ewwel kampjonat organizzat mill-Malta Mini-Football Association.

Fil-logħob li ntlagħab fil-grawnd tal-Marsa, United Stars baqgħu jsegwu lill-eqreb rivali tagħhom wara rebħa tajba fuq Club de Swat filwaqt li Churchill Wise Guys żammew il-forma riċenti tagħhom meta rreġistraw it-tielet rebħa konsekuttiva sabiex saħħew it-tielet post.

Mill-banda l-oħra assistejna għal-logħba mill-isbaħ bejn Buda u Moon li offrew spettaklu ta’ futbol mill-aqwa.

F’din is-sitt ġurnata ġew skorjati 55 gowl bl-akbar rebħa tiġi rreġistrata minn United Stars.

Kif għedna, White Eagles baqgħu jżommu r-rekord perfett li bdew bih meta għelbu lil Mighty Knights bl-iskor ta’ 9-3.

Protagonisti prinċipali għal White Eagles kienu Zoran Breberina u Danijel Vasic li skorjaw hat-trick kull wieħed. Ivan Savic, Stefan Kujovic u Darko Lukic żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Minkejja t-telfa, Mighty Knights taw wirja tajba għalkemm l-avversarji tagħhom kienu ferm aktar motivati li jiksbu t-tliet punti. Huma skorjaw il-gowls tagħhom grazzi għal doppjetta ta’ Leandros Calleja u Daniel Piccinino.

United Stars kisbu l-ikbar rebħa tal-ġurnata meta għelbu lil Club de Swat 14-5. Kienet logħba fejn l-Istilel iddominaw mill-bidu sal-aħħar bi Club de Swat li sabu diffikulta’ jrażżnu l-furja tal-avversarji tagħhom.

L-attakkant Albaniż Leontiev Konda kien protagonista assolut meta skorja xejn inqas minn tmien gowls b’Kevin Sammut jwettaq hat-trick. Min-naħa l-oħra Santos Junior de Oliveira kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Sead Hoxha żied ieħor għat-tim tiegħu.

Club de Swat, li għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tagħhom staġjonali, skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ tliet gowls ta’ Shamshad Am u doppjetta ta’ Stephen Devassy.

Sadanittant assistejna għal-logħba mill-isbaħ, eċitanti u bilanċjata bejn Buda u Moon. Kienu tal-ewwel li rebħu din il-partita bl-iskor ta’ 7-6. Dawk kollha preżenti fil-grawnd tal-Marsa setgħu jsegwu din il-partita missielta bl-attakkanti Ungeriżi Gyorgy Kovesi u Adam Horvath jiskorjaw hat-trick kull wieħed għal Buda. Laszlo Kobor żied ieħor sabiex għaqqad is-seba’ gowls.

Moon kellhom lil Mathieu Verdonck u Anthony Carmona li kienu awturi ta’ tliet gowls kull wieħed.

Churchill Wise Guys kisbu r-raba’ rebħa staġjonali meta għelbu lil Titans bl-iskor ta’ 9-2. It-tim immexxi minn Ayrton Saffrett kellu l-ideat ċari sa mill-bidu b’Silas Caruana awtur ta’ poker. Leo Muscat skorja doppjetta filwaqt li Kane Valletta, Andrew Formosa u Ismael Buttigieg għaqqdu d-disgħa.

Herbert Spiteri u Lamin Jarra skorjaw il-gowls ta’ konsolazzjoni għal Titans.

KLASSIFIKA KAMPJONAT MINI-FOOTBALL:

White Eagles 18, United Stars 15, Churchill Wise Guys 12, Titans, Moon 9, Buda 6, Mighty Knights 3, Club de Swat -1

*Club de Swat tnaqqsulhom punt

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Valletta ………….4 Birkirkara……….2 Valletta fetħu l-impenji tagħhom staġjonali b’rebħa diffiċli ta’ 3-2 kontra Birkirkara. Kienet partita klassika bejn żewġ timijiet li mistennija jkunu fost il-protagonisti ewlenin…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Ħamrun Spartans….5 Sirens………………….1 It-Taljani jgħidu, ‘Buona La Prima’. Hu hekk kien għal Hamrun Spartans. Il-Ħamruniżi jistgħu jgħidu li kellhom bidu brillanti tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21 meta…

Floriana FC…………2 Gżira United FC……1 Floriana kisbu l-ewwel punti tal-istaġun meta f’logħba sabiħa għelbu lil Gżira 2-1. Gzira ddominaw il-logħba fl-ewwel siegħa tagħha, iżda fl-aħħar nofs siegħa Floriana tjiebu ferm…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 SLIEMA W…………………..3 HIBERNIANS……………….1 Sliema Wanderers fetħu l-kampjonat b’rebħa ta’ 3-1 fuq Hibernians. Ftit azzjonijiet u żewġ gowls fl-ewwel taqsima…wara 5 minuti logħob, free-kick dirett li ngħata…

Aktar