Sports Internazzjonali
Minn boxer għall-President? Manny Pacquiao ser jikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali tal-Filippini

Mill-boxing għall-politika!! Il-boxer Manny Pacquiao ħabbar li s-sena d-dieħla ser jikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali tal-Filippini. Dan wara li għal diversi xhur Pacquiao kien kritiku ħafna tal-Gvern tal-ġurnata u b’mod speċjali tal-President Rodrigo Duterte minħabba r-relazzjoni komda li għandu maċ-Ċina.

Jidher li kienu numru ta’ politiċi oħra li ħeġġew lil Pacquiao sabiex jagħmel il-pass li jmiss. Dan wara li l-avversarji nnominaw lis-Senatur Christopher “Bong” Go bħala kandidat għall-presidenza, iżda dan m’aċċettax. Fil-preżent Pacquaio jmexxi l-fazzjoni tal-Partit PDP-Laban, f’qasma kbira li hemm bejn il-partit tiegħu u l-partit fil-Gvern.

Manny Pacquiao huwa pjuttost ġdid fil-politika, imma mhux l-istess fil-boxing. Huwa beda l-karriera professjonali ta’ 16-il sena u sar popolari bir-rebħiet kontinwi tiegħu anke b’knock-outs kontra boxers rinomati.

Pacquiao kien imlaqqam “Il-Ġellied tad-Deċennju” minn assoċjazzjonijiet internazzjonali tal-boxing. Waħda mill-aktar ġlidiet popolari tiegħu kienet kontra l-boxer Amerikan Floyd Mayweather fl-2015. Dik kienet waħda mill-ftit telfiet tal-Filippin wara deċiżjoni unanima li l-logħba tintrebaħ minn Mayweather.

Kien fl-2016 li Pacquiao ġie elett bħala Senatur fil-Kungress, u ħafna jqisuh bħala wieħed mill-aqwa politiċi tal-Filippini. Saħansitra tawh il-laqam ta’ Pambansang Kamao li tfisser “il-Ponn tan-Nazzjon.”

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA