Futbol lokali
ARA: Minn idejn il-mibki Cluett, 27 sena wara għal idejn Borg u Pisani.

Kellhom jgħaddu 27 sena mill-aħħar kampjonat mirbuħ minn Floriana fl-istaġun 1992/93 meta dakinhar kien refa’ t-Tazza tal-Kampjonat il-mibki David Cluett sabiex il-Furjaniżi sa fl-aħħar jerġgħu jgħollu t-Tazza ta’ Champions tal-Football Malti.

Is-Sibt filgħaxija l-furjaniżi inġabru minn kmieni wara nofsinhar fi Triq Sant Anna l-Furjana f’atmosfera ta’ festa hekk kif kulħadd kien qed jistenna l-mument dak li t-tazza tkun mgħollija mill-players. Kienu t-8.10pm eżatt wara l-preżentazzjoni tal-midalji lill-players kollha, staff tekniku, kumitat u sposors li l-President tal-MFA Bjorn Vassallo għadda t-Tazza f’idejn il-Captains Jurgen Pisani u Clyde Borg u hemm bdew uffiċjalment iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan is-26 kampjonat fl-istorja tal-Greens. Kampjonat li se jibqa’ jisemma li ma ntemmx regolarment minħabba l-pandemija iżda ġie aġġudikat lil Floriana hekk kif huma kienu jinsabu l-ewwel fil-klassifika.

Kampjonat mirbuħ taħt il-Presidenza tat-taljan Riccardo Gaucci li fil-ħames sena tiegħu fl-amministrazzjoni tal-Club irnexxuelu jirbaħ Kampjonat kif kien wiegħed lill-partitarji furjaniżi.

L-aħħar kampjonat mirbuħ minn Floriana kien wasal taħt il-Presidenza tal-eks President tagħhom Anthony Grech Sant.

Wara l-preżentazzjoni tat-Tazza komplew iċ-ċelebrazzjonijiet fuq il-Fosos tal-furjana li laħqu l-qofol tagħhom meta l-players, u d-diriġenti flimkien mal-kowċ Enzo Potenza u l-istaff tiegħu ħadu posthom fil-gallarija tal-każin tal-Club u reġgħu għollew it-Tazza quddiem il-partitarji tagħhom.

TVM Sport is-Sibt filgħaxija wassal servizz estensiv b’xandira diretta tal-ċelebrazzjonijiet ta’ Floriana fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ TVM Sport kif ukoll fuq is-sit elettroniku.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.