Futbol lokali
Mino Raiola f’Malta

L-aġent tal-players tal-football Mino Raiola qal li qiegħed hawn Malta biex jitkellem mad-Diretturi tal-kumpanija tiegħu waqt li jara l-pjanijiet għall-futur u xi żvilupp jista’ jagħmel f’Mlata.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta llum wara nofsinhar, Raiola qal li f’Malta hawn potenzjal fejn b’attitudni tajba kapaċi jintlaħqu l-miri stabbiliti.

Mistoqsi hux interessat jirrappreżenta xi players Maltin, Raiola qal li bħalissa jinsab f’diskussjonijiet ma’ player femminili, b’referenza ċara għal Haley Bugeja. Għal mistoqsija ta’ TVM Sport dwar kif jara l-faċilitajiet f’Malta, huwa qal li kien sorpriż pożittivament, għalkemm żied jgħid li dejjem hemm lok għal titjib imqabbel man-naħa ta’ fuq tal-Ewropa.

Dwar il-kontroversja li nqalgħet nhar il-Ħadd fuq programm tal-istazzjon nazzjonali Taljan ir-Rai fejn ġew allegati nuqqasijiet mill-kumpanija tiegħu Three Sport li hija bbażata Malta, Raiola qal li ma jistax jaċċetta akkużi u ineżattezzi ta’ din ix-xorta, u l-każ issa qiegħed f’idejn l-avukati tiegħu.

Dalgħodu Raiola kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima.

 

Miktub minn...
Simon Farrugia
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-aħbarijiet sportivi , jirraporta u kummentatur tal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, UEFA Champions League u UEFA Europa League