Atletika
Mis-sena d-dieħla ser tibda tinżamm il-Maratona La Valette

F’konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji dwar maratona u nofs maratona ġodda li ser jibdew isiru f’pajjiżna mis-sena d-dieħla.

Il-La Valette Malta Marathon ser tibda tkun attività annwali fil-kalendarju tal-isport f’pajjiżna, u filwaqt li s-sena d-dieħla ser issir fl-24 t’April, mill-2023 ser tibda ssir kull l-ewwel Ħadd ta’ Frar

Kif iġibha isimha, din il-maratona qed twaħħad l-istorja mal-isport, u ser issir fl-ewwel Ħadd ta’ Frar minħabba li l-Gran Mastru La Valette kien twieled fl-4 ta’ Frar.

Il-ħsieb hu li l-maratona tibda minn Ta’ Sliema u San Ġiljan, tgħaddi mill-belt Valletta, u wara tibqa’ sejra sal-Isla u tintemm fil-Forti Sant’Anġlu, il-Birgu.

Din il-maratona ser tkun rikonoxxuta mill-AIMS, u għaldaqstant mistennija tattira numru t’atleti internazzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, l-Onorevoli Clifton Grima  qal li t-tellieqa hija immirata mhux biss għall-atleti elite, imma wkoll għal dawk kollha li jkunu jixtiequ jieħdu sehem. L-Onor. Grima qal li l-isport sar parti integrali mill-mutur ekonomiku ta’ pajjiżna.

Il-Ministru għat-Turiżmu, l-Onor. Clayton Bartolo qal li issa anke l-isport u l-istorja qed jimxu id f’id flimkien. Spjega kif l-isport huwa niċċa turistika u din l-iskema hija parti mill-pjan ta’ rkupru ta’ pajjiżna mill-pandemija tal-Covid-19.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA