Futbol internazzjonali
Mitluba r-riżenja tal-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Nazzjonali tal-Futbol Ġermaniż

L-Assoċjazzjonijiet reġjonali tal-futbol fil-Ġermanja qed jitolbu għar-riżenja tal-President Fritz Keller, kif ukoll tas-Segretarju Ġenerali Friedrich Curtius tal-Federazzjoni Nazzjonali tal-Futbol Ġermaniż.

Fi stqarrija ppubblikata lbieraħ, l-assoċjazzjonijiet reġjonali qalu li l-pożizzjoni ta’ Keller u Curtius m’għadhiex tenibbli wara kummenti b’referenza Nażista waqt laqgħa flimkien mal-Viċi President Rainer Koch. Il-ġimgħa li għaddiet Keller talab apoloġija pubblika għall-kummenti li għadda b’referenza għan-Nażi, meta sejjaħ lil Koch “Freisler”. Ir-referenza lejn il-Maġistrat Koch kienet għal Roland Freisler, li fl-1942 kien parteċipi fil-Konferenza Wannsee li fiha n-Nażisti kienu ħalfu li jeqirdu għalkollox lil-Lhud.

Il-kummenti ta’ Keller waslu fi żmien ħażin, meta għandu relazzjoni bierda ma’ numru ta’ membri tal-bord tal-Federazzjoni, u flimkien ma’ Friedrich Curtius kien inqabad li evada t-taxxa matul is-sena li għaddiet.

Il-Federazzjoni Nazzjonali Ġermaniża hija l-akbar waħda fid-dinja, fejn għandha aktar minn 7 miljun membru rreġistrat. Fl-aħħar snin kienu diversi skandli li heżżew lil din il-Federazzjoni, tant li Reinhard Grindel u Wolfgang Niersbach kienu rreżenjaw mill-karigi tagħhom minħabba xi skandlu jew ieħor.

Il-Ġermanja ser tospita l-Kampjonati Ewropej fl-2024, u għaldaqstant hemm bżonn t’aktar stabbilità sabiex il-ħidma għal dawn il-Kampjonati tkun tista’ tkompli bla xkiel.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA