Futbol internazzjonali
Mo Salah irid kuntratt ġdid ta’ £500,000 fil-ġimgħa

Is-saga tal-attakkant Eġizzjan ta’ Liverpool Mohamed Salah għadha għaddejja. Filwaqt li l-plejer qed jgħin lir-Reds f’dan l-istaġun bil-gowls tiegħu, u wara li l-Ħadd li għadda skorja hat-trick kontra Manchester United, l-ispekulazzjoni tkompli dwar il-kuntratt ġdid tal-Eġizzjan.

Fil-preżent Mo Salah għandu kuntratt li ser iżommu Anfield sas-sajf 2023. Id-diskussjonijiet dwar kuntratt ġdid diġà bdew iżda jidher li l-intopp il-kbir qiegħed jinstab fuq il-paga tal-plejer.

U filwaqt li Liverpool diġà taw kuntratti ġodda lil Virgil Van Dijk, Trent Alexander-Arnold, Alisson Becker, Fabinho u lill-captain Jordan Henderson, l-iScousers qegħdin jistennew il-mument li anke Salah jiffirma kuntratt ġdid. Dak li qed jitqies bħala l-aqwal plejer fid-dinja fil-mument, qiegħed jingħad li jrid £500,000 fil-ġimgħa.

Jekk kemm-il darba t-talba tal-Eġizzjan tintlaqa’, allura jkun wieħed mill-ftit plejers li jaqla’ paga eżorbitanti, u l-istruttura ta’ pagi f’Anfield titkisser għalkollox. Mhuwiex normali li Fenway Sports Group (FSG) jaċċettaw li plejer li jkun fit-tletinijiet jitħallas pagi daqshekk għolja.

Il-partitarji tar-Reds ħadu ferħa hekk kif ftit tal-jiem ilu Salah ikkonferma li jixtieq itemm il-karriera tiegħu f’Anfield, imma dan mhuwiex daqstant faċli meta l-aġent tiegħu qed jagħmel dak kollu possibbli biex l-Eġizzjan ikollu l-kuntratt li jixtieq.

Ir-rappreżentant ta’ Salah, Ramy Abbas, jaf x’valur għandu l-klijent tiegħu, biss min-naħa l-oħra m’hemmx ħafna klabbs madwar id-dinja li jistgħu jħallsu l-paga li qed jitlob l-Eġizzjan. Liverpool min-naħa l-oħra mistennija jistennew u jippruvaw jaslu kif waslu ma’ plejers oħra li n-negozjati inizjali magħhom dehru diffiċli.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA