Olimpijadi TOKYO 2020
Momiji Nishiya ssir l-iżgħar Ġappuniża li qatt rebħet midalja tad-deheb, filwaqt li fl-għawm sinkronizzat u fil-canoe slalom, rebħiet differenti mis-soltu

Skateboarding

Momiji Nishiya ssir l-iżgħar atleta Ġappuniża li qatt rebħet midalja tad-deheb f’Olimpjadi. Nishiya għandha 13-il sena u kienet qed tikkompeti fl-iskateboarding tat-triq, fil-kategorija tan-nisa.

F’din id-dixxiplina kien hemm numru ta’ żgħażagħ, tant li l-ewwel tliet postijiet imtlew minn tfajliet li għadhom taħt l-20 sena. Il-Brażiljana Rayssa, li wkoll għad għandha 13-il sena, spiċċat it-tieni filwaqt li l-Ġappuniża Funa Nakayama rebħet il-bronż fl-età ta’ 16-il sena.

B’hekk il-Ġappun kaxkar il-midalji tad-deheb fl-iskateboarding tat-triq, kemm fil-kategorija tan-nisa u anke tal-irġiel. Matul il-ġurnata tal-bieraħ, il-Ġappuniż Yuto Horigome kiteb l-istorja meta rebaħ l-ewwel midalja tas-deheb fl-istorja tal-Olimpjadi f’din id-dixxiplina.

 

Għawm

It-tim Amerikan tal-irġiel tal-għawm rebaħ il-4x100m freestyle relay biex kompla juri d-dominanza f’dan l-isport. Caeleb Dressel, Blake Pieroni, Bowen Becker u Zach Apple għamlu ħin ta’ 3 minuti 8.97 sekondi, biex b’hekk temmew 1.14 sekondi quddiem l-Italja, li ġiet it-tieni. It-tim Awstraljan rebaħ il-bronż.

 

Għawm Sinkronizzat

Fl-għawm sinkronizzat, ħasda għaċ-Ċina hekk kif sabu quddiemhom lill-Gran Brittanja li rebħet l-10 metri qabża sinkronizzata. Fl-aħħar erba’ edizzjonijiet tal-Olimpjadi dejjem kienu ċ-Ċiniżi li kaxkru l-midalja tad-deheb, imma fil-kompetizzjoni tat-Tnejn batew fir-raba’ qabża, b’Tom Daley u Matty Lee japprofittaw u jirbħu l-għola unur huma. Il-Brittaniċi temmew b’471.81 punti, punt aktar miċ-Ċiniżi Cao u Chen li rebħu l-fidda. Il-midalja tal-bronż kienet mirbuħa mill-koppja Aleksandr Bondar u Viktor Minibaev mill-Kumitat Olimpiku Russu.

 

Canoeing

L-Isloven Benjamin Savsek rebaħ l-ewwel midalja tad-deheb fil-canoe slalom tal-irġiel, meta għeleb lill-eqreb kompetitur tiegħu bi kważi 4 sekondi. Iċ-Ċek Lukas Rohan rebaħ il-fidda filwaqt li l-Ġermaniż Sideris Tasiadis rebaħ il-bronż. F’din id-dixxiplina, l-Islovakki u l-Franċiżi dejjem kellhom dominanza assoluta, tant li l-midalja tad-deheb dejjem intrebħet minnhom sa mill-Logħob Olimpiku t’Atlanta fl-1996. F’din l-edizzjoni, la l-Islovakkja u lanqas Franza ma temmew fl-ewwel tliet postijiet.

 

Tennis

Fit-tennis, il-Ġappuniża Naomi Osaka ma kelliex problemi biex tgħaddi għat-tielet rawnd tal-kompetizzjoni wara li għelbet lill-Iżvizzera Viktorija Golubic f’żewġ sets.

 

Ġinnastika

Fil-ġinnastika, Oksana Chusovitina tal-Użbekistan issorprendiet lil kulħadd meta fl-età ta’ 46 sena kkompetiet fit-tmien Olimpjadi fil-karriera tagħha. Mhuwiex soltu li l-ġinnasti jdumu daqstant f’dan l-isport, tant li Chusovitina kienet diġà rebħet l-ewwel midalja tad-deheb fl-Olimpjadi, ħames snin qabel twieldet l-Amerikana Simone Biles, il-ġinnasta tal-mument. Probabbilment din kienet l-aħħar edizzjoni li fiha kkompetiet Chusovitina wara li sfat eliminata għax ma rnexxiliex tagħmilha għall-fażi finali.

 

Rugby Sevens

Fir-Rugby Sevens, it-tim tal-Fiji kellu jiġi minn wara biex jegħleb lill-Ġappun 24-19. F’turnew li ser idum għaddej 12-il ġurnata, il-Fiji qed jiddefendi l-midalja tad-deheb mirbuħa f’Rio ħames snin ilu.

Fil-logħba l-oħra minn Pool B, il-Gran Brittanja rebħet bi skor rekord ta’ 24-0 kontra l-Kanada. Rebħa kbira wkoll għal New Zealand, li kaxkru lill-Korea t’Isfel 50-5, filwaqt li l-Arġentina u l-Afrika t’Isfel ħadu rebħiet fuq l-Awstralja u l-Irlanda rispettivament. L-Istati Uniti ħadu rebħa fl-aħħar minuta kontra l-Kenja bil-punteġġ ta’ 19-14.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA