Olimpijadi TOKYO 2020
Mondo Duplantis jirbaħ il-pole vault kif kien mistenni, u fil-futbol Spanja jiltaqgħu kontra l-Brażil fil-finali tas-Sibt li ġej

L-Iżvediż Mondo Duplantis rebaħ il-pole vault tal-irġiel f’għoli ta’ 6.02 metri. B’hekk Duplantis huwa l-uniku atleta li matul din is-sena rnexxielu jissupera s-sitt metri. Huwa għandu f’idu r-rekord dinji. Għaż-żagħżugħ ta’ 21 sena r-rebħa kienet xi ftit aktar faċli minħabba li Sam Kendricks tal-Istati Uniti ma kkompetiex minħabba li għandu l-Covid-19. Għal Mondo Duplantis din l-edizzjoni serviet biex ikompli jibbrilla fil-pole vault, wara li fi Frar li għadda rnexxielu saħansitra jogħla sa 6.18 metri.

L-Amerikan Chris Nilsen spiċċa t-tieni b’qabża ta’ 5.97 metri, filwaqt li l-Brażiljan Thiago Braz rebaħ il-bronż b’qabża ta’ 5.87 metri.

 

Fl-atletika, Elaine Thompson-Herah rebħet il-200 metru f’ħin ta’ 21.53 sekondi, it-tieni l-aktar ħin veloċi fl-istorja. Il-Ġamajkana kkontrollat it-tellieqa mill-bidu sat-tmiem, bi Christine Mboma tan-Namibja tidħol it-tieni meta fl-aħħar 30 metri qabżet erba’ atleti oħra. Hi temmet f’ħin ta’ 21.81 sekondi. Għal Thompson-Herah dan kien it-tieni suċċess wara r-rebħ tal-100 metru s-Sibt li għadda, biex b’hekk saret l-ewwel mara li ddefendiet l-isprint double.

 

Fit-800 metru, l-Amerikana Athing Mu rebħet id-deheb, l-ewwel midalja għall-Istati Uniti f’din il-kategorija għal aktar minn nofs seklu. Il-kompatrijotta Raevyn Rogers temmet fit-tielet post u rebħet il-bronż. Il-Brittanika Keely Hodgkinson rebħet il-fidda.

 

Fil-hammer throw, midalja oħra għall-Pollakka Anita Wlodarczyk, li rebħet it-tielet midalja tad-deheb konsekuttiva f’edizzjonijiet tal-Olimpjadi. Hija tefgħet f’distanza ta’ 78.48 metri. Iċ-Ċiniża Wang Zheng rebħet il-fidda u l-Pollakka Malwina Kopron rebħet il-bronż.

 

Fil-kategorija tan-nisa tal-light heavywieght, id-debuttanta Tamrya Mensah-Stock rebħet id-deheb, biex b’hekk saret it-tieni Amerikana fl-istorja li rebħet id-deheb f’din id-dixxiplina. Fil-finali hija għelbet lin-Niġerjana Blessing Oborududu 4-1.

 

Fil-weightlifting, l-Użbeki Akbar Djuraev rebaħ id-deheb meta għeleb lill-Armen Simon Martirosyan fil-kategorija tal-109 kilogramm. Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena refa’ 193 kilò fl-isnatch u 237 kilò fil-clean and jerk għal total ta’ 430 kilò. Martirosyan refa’ 195 kilò fl-isnatch, imma mbagħad refa’ inqas fil-clean and jerk għal total ta’ 423 kilò. Arturs Plesnieks tal-Latvja rebaħ il-bronż.

 

Fil-futbol, l-Ispanjol Marco Asensio skorja fil-ħin barrani biex Spanja tfew għalkollox it-tamiet tal-Ġappuniżi li forsi jirbħu d-deheb f’din id-dixxiplina. Huma rebħu bl-iskor ta’ 1-0 biex issa s-Sibt li ġej jilagħbu kontra l-Brażil fil-finali. Min-naħa tagħhom, iċ-champions renjanti, il-Brażil, għelbu lill-Messiku 4-1 bl-għoti tal-penalties wara li sa tmiem il-ħin barrani l-iskor kien għadu 0-0.

 

Fit-tixbit, l-aħwa Bassa u Mickael Mawem waslu sal-finali tal-kategorija tal-irġiel, imma Bassa deher imweġġa’ u allura hemm id-dubji kemm ser jirnexxielu jkun fl-aqwa tiegħu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA