Olimpijadi TOKYO 2020
Monument Olimpiku ġdid fil-gżira Għawdxija

Fl-okkażjoni tal-Jum Olimpiku, iċċelebrat fit-23 ta’ Ġunju, saret l-inawgurazzjoni ta’ Monument Olimpiku fiż-żona fejn hemm il-faċilitajiet sportivi, fi Triq Tumas Cassar, fl-Għarb, Għawdex.

L-inawgurazzjoni ta’ dan il-Monument saret mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li permezz ta’ Eco Gozo ngħatat għajnuna finanzjarja biex seta’ jsir. F’ċerimonja qasira simbolika saret il-mixelgħa tal-Urna Olimpika mill-atleta Stefan Azzopardi mill-Għarb, assistit minn Ġuzeppina Galea, atleta tal-iSpecial Olympics. Wara li ndaqq l-Innu Olimpiku, saru diskorsi qosra minn Joe Cassar, Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti, mis-Sindku David Apap u mill-Ministru Clint Camilleri.

Fi tmiem iċ-ċerimonja ngħataw plakek ta’ tifkira mill-Kumitat Olimpiku Malti lill-atleti Stefan Azzopardi u Ġuzeppina Galea, lill-kordinatur sportiv Joe Bajada, lis-Sindku David Apap u lill-Ministru Clint Camilleri.

Fil-passat kien hemmGħawdxin li ħadu sehem fil-Logħob Olimpiku. Tommy Cauchi ħa sehem fl-Olimpjadi ta’ Los Angeles u Seoul bħala l-kowċ tat-tim Nazzjonali tal-Isparar bil-Qaws.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA