Futbol lokali
Morris Pags, is-sid ta’ Genova International Soccer School, jitkellem dwar Hamrun Spartans u l-akkwisti l-ġodda

Għall-ewwel darba minn kemm ilu li ġie Malta, Morris Pags, is-sid ta’ Genova International Soccer School, jitkellem dwar il-proġett il-ġdid ta’ Hamrun Spartans u r-raġuni ewlenija għalfejn ħass li għandu jiġi jinvesti f’pajjiżna.

Hamrun Spartans daħlu f’kuntratt ta’ tliet snin ma’ GISS dwar plejers li jinġiebu mill-Ewropa biex jiffirmaw u jilagħbu bil-flokk l-aħmar u l-iswed.

Pags hu wieħed mill-persuni fil-klabb ta’ Hamrun li din is-sena għandu kuntatti ma’ plejers u nies mid-dinja tal-futbol professjonali li se jassistu lil Hamrun Spartans fil-proġett tagħhom. Permezz tal-kumpanija tiegħu, Hamrun se jibbenefikaw minn diversi akkwisti ġodda u ta’ livell. S’issa, Hamrun Spartans diġà akkwistaw ħames barranin ġodda, kollha ta’ livell aktar minn aċċettabbli għal Malta. Pags ma jaħbix il-fatt li l-għanijiet tal-klabb ta’ Hamrun Spartans għall-istaġun li ġej se tkun pożizzjoni ma’ ta’ fuq fil-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier.

“L-għan ta’ Hamrun Spartans hu li b’dawn il-livell ta’ plejers immorru fl-Europa League. L-għan tiegħi hu li nġib plejers żgħar ta’ livell f’Malta, jilagħbu xi snin mal-Ħamrun u imbagħad jinbiegħu barra f’kampjonati ikbar.

“Ovvja li l-plejer li se jinġiebu f’Malta se jkunu hawn biex jirbħu. Dawn iridu jkomplu l-karriera tagħhom wara Malta. Ma tagħmilx sens li jiġu hawn vaganza. Kollha jkunu jridu juru x’jafu. Wara Malta ħafna minnhom ikomplu l-karriera tagħhom fi Spanja jew l-Italja,” qal Pags lil TVM Sport.

Hamrun Spartans diġà nvestew f’diversi plejers bħal Conor Borg, Sebastian Nayar, Taljan, Grieg u tliet plejers oħra li se jaslu f’Malta fis-sigħat li ġejjin. Mistoqsi fuq it-tim preżenti ta’ Hamrun Spartans u x’jaħseb għall-istaġun li ġej, Pags wera fiduċja kbira.

“Għandna tim ta’ plejers ta’ esperjenza u oħrajn ġodda li mxenqin mir-rebħ u minn xi unur. Għadu kemm wasal Arġentin ieħor. Li qed nara fit-tim bħalissa hu li hawn diversi plejers ta’ kwalità u veloċità kbira.

“Jien inġib plejers ta’ kwalità. Ma tagħmlix sens li nġib plejers mhux ta’ valur għax ma tidhirx sabiħa fuq il-kumpanija tiegħi,” jgħid l-investitur il-ġdid ta’ Hamrun Spartans.

Mistoqsi x’ħajru jiġi f’Malta u jagħżel lil Hamrun Spartans, Pags jgħid li kienu l-President Nunzio Antignani u t-Team Manager Gaetano Farrugio, li ħajruh fil-proġett tagħhom.

“Qatt ma mmaġinajt li xi darba se niġi f’Malta u ninvesti fi klabb Malti. Nunzio Antignani u Gaetano Farrugio kienu ħajruni nidħol magħhom f’dan il-proġett u interessajt ruħi mill-ewwel. Flimkien ma’ Antignani u Farrugio ikkonvinċewni ħafna nies oħra li għandu dan il-klabb. Fil-ftit żmien li ilhi hawn rajt nies jgħixu għal Hamrun Spartans u dan kien biżejjed biex urejt id-disponibbilità tiegħi.

“Hamrun għandhom President li għandhom biex ikunu kburin bih. Nunzio persuna qalbu tajba ħafna u se jirnexxielhu jwassal lil Hamrun Spartans għal affarijiet kbar. Nemmen ħafna fil-proġett ta’ dan il-klabb u konvint li fi ftit żmien se jsiru affarijiet kbar,” qal Pags.

Hamrun Spartans investew anki f’kowċ ġdid. Giovanni Tedesco, ex plejer ta’ Perugia u Palermo, b’esperjenza ta’ futbol professjonali tal-għola livell. Morris Pags jitkellem anki dwar din l-għażla.

“Tedesco professjonista kbir. Kellu karriera kbira bħala plejer u għadu sal-lum maħbub fl-Italja. Kienet l-aħjar għażla għal Hamrun Spartans u hu ta’ unur li l-aqwa kowċ f’Malta qiegħed ma’ dan il-klabb. Tedesco jaf il-futbol ta’ vera,” qal Pags.

Morris Pags jgħid li sema’ bil-Hamrun Spartans tas-Snin ’80 u jaf bil-partitarji u l-popolarità li jgawdu f’Malta.

“Irridu aktar azzjoni mhux paroli. Hamrun Spartans għandhom appoġġ kbir mal-pajjiż u nixtiequ nerġgħu naraw lura dawn il-follol lejn l-istadiums. Qegħdin hawn biex nirbħu mhux bix ngħaddu ż-żmien,” itemm Morris Pags.

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Marc Marquez jinsab viċin it-titlu mondjali u kkonferma dan f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu. Marquez qal li t-tim tiegħu Honda jixtieq jiċċelebra t-titlu mondjali b’rebħa oħra f’darhom il-Ġappun fejn proprju se ssir…

Futbol lokali

Fil-jiem li għaddew, tħabbret il-mewt ta’ Ġużi Bonnici, ‘il-Jummi’, ex-gowlkiper ta’ Hamrun Spartans. Bonnici kien għamel l-aqwa tal-karriera tiegħu ma’ Hamrun Spartans fis-Snin ’50 u ’60. Gużi Bonnici miet fl-età…

Futbol lokali

L-attakkant ta’ Valletta Kyrian Nwoko jista’ jkun qiegħed jilgħab l-aħħar ġimgħat bil-flokk tat-tim Belti, meta huma mistenni li jingħaqad mat-tim ta’ Scunthorpe United f’League One, fl-Ingilterra. Fl-aħħar logħba lit-tim nazzjonali…

Aktar