Futbol internazzjonali
Mosta eliminati mill-UEFA Europa Conference League wara telfa kontra Spartak Trnava

L-Ewwel Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni

Spartak Trnava  2-0  Mosta (agg. 4-3)

Mosta sfaw eliminati mill-UEFA Europa Conference League meta fit-tieni leg tal-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tilfu kontra Spartak Trnava 2-0 u nqalgħu b’aggregate ta’ 4-3.

L-Islovakki kienu b’saħħithom wisq għall-Mostin li għalihom din kienet l-ewwel esperjenza f’kompetizzjoni Ewropea. L-ewwel azzjoni ta’ Spartak Trnava waslet fit-8 minuta meta Mafoumbi kellu jsalva fuq it-tentattiv ta’ Savvidis. Fl-14-il minuta l-Islovakki reġgħu ppruvaw, biss Mafoumbi reġa’ kien attent biex salva fuq Cabral.

Imma fis-16-il minuta Mafoumbi ma seta’ jagħmel xejn ħlief jiġbor il-ballun mix-xibka meta d-difensur Filip Twardzik tefa’ ġewwa għal 1-0. Nofs siegħa logħob u kompla jberraq għall-Mostin wara li l-freekick ta’ Procházka stampa mal-wieqfa. Fl-34 minuta l-Islovakki żiedu ieħor, din id-darba permezz ta’ Bamidele Yusuf li rċieva mingħand Cabral u fetaħ vantaġġ ta’ żewġ gowls u poġġa lit-tim tiegħu għall-ewwel darba minn fuq bl-aggregate.

Fil-bidu tat-tieni taqsima Mosta qalgħ u lil Dejan Grech u daħal Zach Brincat u d-difiża qalbet għal erbgħa għal 4-4-2 flok kif bdew 5-4-1. Biss l-Islovakki riedu jagħlqu l-logħba u fil-51 minuta t-tentattiv ta’ Yusuf kien milqugħ mill-goalkeeper Mosti u fis-70 minuta kellu jsalva fuq l-azzjoni ta’ Twardzik. Għal Mosta kienet diffiċli li jinfdu lid-difiża avversarja u ma setgħux isibu x-xibka biex l-iskor baqa’ 2-0.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA