Futbol lokali
Mosta jdawru telfa f’rebħa 

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Senglea A……1 

Mosta FC…….3 

Mosta dawru telfa f’rebħa wara li għelbu lil Senglea bl-iskor ta’ 3-1. 

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota niżżilniha fit-30 minuta u kienet ta’ marka Mostija meta Christ Ememe rċieva tajjeb fil-kaxxa u b’xutt tajjeb xeħet kemm kemm għoli. 

Fis-36 minuta, korner għal Mosta mogħti minn Zachary Brincat u daqqa ta’ ras ta’ Rafael Morisco tgħaddi barra. 

Minuta wara, Senglea jersqu lejn il-lasti ta’ Bitseki meta dan tal-aħħar salva tajjeb mill-viċin xutt ta’ Kevaugh Atkinson. 

Bl-ewwel taqsima tagħlaq fi dro ta’ 0-0. 

Senglea fetħu t-tieni taqsima b’azzjoni tajba ta’ Jan Tanti li ntemmet b’xutt ċentrali min-naħa tiegħu li Bitseki laqa’ b’mod komdu.  

Fit-53 minuta, Atkinson għal Senglea ma laħaqx bi żbrixx kross tajjeb mil-lemin ta’ Jan Tanti. 

Fil-55 minuta, Senglea ngħataw penalty wara li Portelli waqqa’ lil Wilkerson fil-kaxxa. 

Mill-11-il metru kien Wilkerson Gomez li xeħet fuq in-naħa leminija tax-xibka minkejja t-tentattiv ta’ Bitseki li nduna liema naħa kien ġej il-ballun.  

Mosta ġabu l-iskor indaqs b’mod xi ftit fortunat meta wara kross mil-lemin b’xi mod il-ballun ħabat mad-difensur Luis Riascos li mingħajr ma jaf xeħet fix-xibka tiegħu stess.  

Dan il-gowl xpruna lil Mosta li eventwalment sabu  t-tieni gowl meta kienet azzjoni tajba ta’ Kaljevic li xxuttja bil-keeper Senglean jilqa’ u l-ballun jaħbat mal-lasta sabiex Christ Ememe kien fil-post u l-ħin it-tajjeb  u bir-ras xeħet ġewwa.  

Senglea spiċċaw jilagħbu b’10 min-nies wara li tkeċċa Lee Galea fuq somma ta’ karti sofor. 

Fl-aħħar minuti tal-logħba, Mosta ssiġġillaw ir-rebħa permezz ta’ Kevin Tulimieri li b’xutt mal-ewwel xeħet fix-xibka. 

Senglea A: Matthew Farrugia, Zachary Cassar, Alan Abela, Kevaughn Atkinson, Igor Misan, Jan Tanti, Luis Riascos, Junior Diwoto (David Xuereb 66 min), Dejan Kukic, Lee Galea, Wilkerson Gomes. 

Mosta FC: Yves Bitseki, Christ Ememe (Owen Sammut 90 min), Johann Bezzina (Kevin Tulimieri 20 min), Duane Bonnici (Andrei Spiteri 66 min), Clayton Failla, Gianluca Sciberras, Tyrone Farrugia, Matias Muchardi, Liam Portelli, Rafael Morisco, Bojan Kaljevic. 

Referi: Matthew Degabrele. 

BOV Plejer tal-Logħba: Christ Ememe ta’ Mosta 

Miktub minn...
TVM Sport
.