Futbol lokali
Mosta jiksbu punt bi plejer anqas

KAMPJONAT BOV PREMIER 2021/22

Mosta………….2

Gżira……………2

F’partita pjaċevoli, Gżira u Mosta temmew il-konfront tagħhom fi draw ta’ 2-2.

Gżira ħarġu tajjeb u fis-sitt minuta impenjaw lill-goalkeeper ta’ Mosta Marko Jovicic li laqa’ tajjeb xutt mill-viċin ta’ Jefferson.

Risposta Mostija meta fl-10 minuta, wara corner ta’ Failla, l-ebda attakkant kollega tiegħu ma rnexxielu jxellef il-ballun lejn il-lasta.

Madankollu kienu Gżira li marru minn fuq fit-22 minuta meta wara cross ta’ Messias, kien Maxuel Maia li bir-ras għeleb lil Jovicic.

Fid-29 minuta, azzjoni tajba ta’ Zachary Scerri bix-xutt bid-dawra tiegħu jispiċċa ftit barra.

Sitt minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Gżira United ingħataw penalty wara li Maxuel Maia twaqqa’ fil-kaxxa minn Rodriguez Ekani, b’dan tal-aħħar jitkeċċa wara t-tieni karta safra.

Mill-11-il metru kien Gabriel Bohrer Mentz li għeleb lil Jovicic għat-tieni darba.

Sabiex mal-45 minuta, Mosta naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Sunday Akinbule li baqa’ jinsisti fl-azzjoni u b’xutt fil-baxx għeleb lil Radelic.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 2-1 favur Gżira.

Fl-64 minuta, azzjoni personali ta’ Sunday Akinbule u xutt minn barra l-kaxxa li jispiċċa għoli.

Mosta ftit dehru li kienu qed ibatu mill-plejer inqas u ma kinitx sorpriża li ġabu l-iskor indaqs fid-69 minuta meta kien hemm cross mix-xellug u daqqa ta’ ras ta’ Rafael Morisco bil-ballun jispiċċa ġewwa.

Fis-70 minuta, is-sostitut Emanuel Mbong ittanta xortih b’lob li spiċċa kemm kemm għoli.

Mas-86 minuta, wara kontrattakk veloċi, xutt ta’ Duane Bonnici għadda ftit barra.

Finalment dan ir-riżultat ħalla liż-żewġ timijiet bl-istess numru ta’ punti bil-klassifika tagħhom li qajla nbidlet.

Mosta: Marko Jovicic, Roderick Briffa, William Donkin (Johnson Nsumoh 46 min (Gianluca Sciberras 90 min), Clayton Failla, Johann Bezzina (Ivan Doric 46 min), Mehdi Hetemaj, Luis Riascos, Rafael Morisco, Zachary Brincat (Duane Bonnici 72 min), Sunday Akunbule (Michael Mifsud 81 min), Rodriguez Ekani.

Gżira United: Darijan Radelic, Gabriel Bohrer, Nikolai Muscat, Steven Pisani, Zachary Scerri, Yuri Messias, Clive Gauci (Kurt Desira 90 min), Nevin Portelli, Maxuel Maia, Jefferson de Assis, Jackson Mendoza.

Referee: Matthew Degabriele

BOV Plejer tal-Logħba kien Sunday Akinbule ta’ Mosta.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'