Futbol lokali
Mosta jirbħu d-dwell tan-naħa t’isfel tal-klassifika

KAMPJONAT BOV PREMIER 2017/18

Mosta…………..3

Tarxien ……….1

Mosta rebħu d-dwell tan-naħa t’isfel tal-klassifika meta għelbu lil Tarxien bl-iskor ta’ 3-1. B’hekk dawn tal-aħħar huma l-uniku tim illi għadu ma kiseb l-ebda punt minn erba’ logħbiet.

Mosta ħolqu l-ewwel azzjoni tal-logħba mat-12-il minuta meta frikik tajjeb ta’ Martins Fernandes spiċċa ftit barra mil-lasti Tarxiniżi.

Risposta Tarxiniża fit-23 minuta meta ħarba ta’ James Brincat spiċċat b’dan tal-aħħar ifajjar xutt illi Andreas Vella laqa’ għal korner.

Fit-33 minuta, kien Godwin Blessing għal Mosta illi rċieva l-ballun u filwaqt li rranġah ixxuttja fil-baxx bi Christian Cassar jilqa’ mingħajr diffikulta’.

Sabiex l-ewwel taqsima li kienet nieqsa xi ftit mill-emozzjonijiet spiċċat fi dro ta’ 0-0.

Mosta fetħu ferm tajjeb meta marru fil-vantaġġ hekk kif Veronese mix-xellug qassam tajjeb lejn Godwin Blessing illi xeħet xutt fil-baxx illi għeleb lil Vella.

Fil-50 minuta, tentattiv ieħor ta’ Silva Faria għal Tarxien sab lil Vella attent hekk kif laqa’ għall-korner.

Fit-52 minuta, ir-Rainbows ġabu d-dro meta Ryan Darmanin rċieva tajjeb fil-kaxxa u tefa’ xutt illi għeleb lil Vella.

Il-logħba kienet botta u risposta minħabba illi Mosta reġgħu marru minn fuq. Kien kross ta’ Veronese illi sab lil Ferreira illi bir-ras ra lil Cassar jagħmel sejv tajjeb sabiex mir-ribawnd kien l-istess plejers illi ddepożita fix-xibka.

Fis-60 minuta Mosta għamluhom tlieta meta wara azzjoni ta’ korner kien difensur ta’ Tarxien illi kien ser iwettaq awtogowl bir-ras iżda l-ballun spiċċa mal-mimduda sabiex mill-viċin kien hemm Martins Fernandes illi skorja tajjeb.

Fil-65 minuta, Tarxien kienu żvinturati illi laqtu l-lasta darbtejn permezz ta’ Silva Faria fil-65 minuta u Andrew Spiteri fit-80 minuta. .

Riżultat finali: Mosta 3 Tarxien 1

BOV Plejer tal-Logħba kien Thomas Veronese ta’ Mosta.

Referi kien Stefan Pace

Miktub minn...
TVM Sport
.