Motorsport
Moto GP: Alex Rins jirbaħ l-ewwel tellieqa tal-karriera fl-Istati Uniti

L-Ispanjol Alex Rins rebaħ l-ewwel Moto GP fil-karriera tiegħu meta fuq il-mutur Suzuki daħal fl-ewwel post f’Texas, l-Istati Uniti. Din ir-rebħa kienet pjuttost waħda sorpriża għal Rins, biċ-champion renjanti Marc Marquez ma jispiċċax it-tellieqa u b’hekk tilef ir-rekord ta’ dan iċ-ċirkwit li kien ilu f’idejh għall-aħħar sitt snin.

L-Ispanjol Marquez beda mill-pole position għas-seba’ sena konsekuttiva, u kien qiegħed iħares lejn is-seba’ rebħa infila fuq dan iċ-ċirkwit ta’ Texas, imma fid-9 lap skidja bil-mutur waqt li kien jinsab fuq quddiem, madwar 4 sekondi maqtugħ mill-bqija. It-Taljan Valentino Rossi approfitta mill-isfortuna tal-Ispanjjol, imma sab lil Rins li tliet laps mit-tmiem mar fuq quddiem u rebaħ it-tellieqa b’0.462 sekondi. L-Awstraljan Jack Miller daħal it-tielet, b’Andrea Dovizioso jispiċċa r-raba’.

Fil-klassifika tas-sewwieqa, Dovizioso jinsab fuq quddiem b’54 punt, segwit minn Rossi b’51. Bir-rebħa tiegħu, Rins tela’ fit-tielet post b’49 punt filwaqt li Marquez jinsab ir-raba’ b’45 punt.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA