Motorsport
Moto GP: Danilo Petrucci jirbaħ l-ewwel tellieqa tiegħu f’dan l-istaġun

F’Le Mans, Danilo Petrucci fuq id-Ducati rebaħ il-Moto GP tal-Ħadd, filwaqt li Alex Marquez irnexxilu jitla’ għall-ewwel darba fuq il-podju. It-tellieqa ttardjat xi ftit minħabba x-xita qawwija li kienet nieżla, u dan kellu effett fuq il-wirja ta’ Fabio Quartararo u Joan Mir li qatt qabel ma bdew tellieqa fix-xita. Quartararo li telaq mill-pole position sabha diffiċli mal-ewwel tant li Petrucci, li telaq mit-tielet post, ma tantx dam biex mar fuq quddiem biex rebaħ l-ewwel Grand Prix tiegħu f’dan l-istaġun. Din ir-rebħa ta’ Petrucci kienet sorpriża għaliex is-sewwieq qatt ma rnexxilu jispiċċa mal-ewwel sitta, fl-ewwel tmint itlielaq ta’ dan l-istaġun.

Alex Marquez, ħu ċ-champion Marc li bħalissa mhux itellaq wara operazzjoni f’idu, kellu wirja brillanti tant li spiċċa fit-tieni post u tela’ għall-ewwel darba fuq il-podju fil-karriera. Pol Espargaro fuq KTM daħal it-tielet, quddiem Andrea Dovizioso.

It-Taljan Valentino Rossi reġa’ kellu tellieqa xejn sodisfaċenti meta skiddja minn fuq il-mutur u spiċċa barra, u b’hekk ma spiċċax tellieqa mill-aħħar tlieta. Min-naħa tiegħu, Quartararo xorta estenda l-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika u issa hemm għaxar punti distakk bejnu u Mir. Quartararo spiċċa t-tellieqa fid-disa’ post filwaqt li Mir spiċċa fil-11-il post.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA