Motorsport
Moto GP – Fabio Quartararo jirbaħ fl-Italja f’tellieqa mtappna bil-mewt ta’ Dupasquier

Il-leader fil-klassifika Fabio Quarataro kellu tellieqa mill-aqwa fil-Grand Prix tal-Italja, li iżda kienet imtappna mid-dieqa għall-mewt tal-Iżvizzeru Jason Dupasquier.

Wara li l-Iżvizzeru ta’ 19-il sena kellu inċident ikrah li swielu ħajtu matul il-ġurnata tas-Sibt waqt il-provi uffiċjali, l-arja kienet tqila għall-aħħar il-Ħadd waranofsinhar. Kien il-Ħadd filgħodu li t-tim Prutsel GP ta l-aħbar li Dupasquier kien tilef ħajtu matul il-lejl, wara l-inċident li kellu s-Sibt li fih kienu involuti tliet muturi. Fil-fatt, it-tim Prutsel GP ma ħax sehem fit-tellieqa tal-Moto3 li suppost kellu jtellaq fiha l-Iżvizzeru.

Fabio Quarataro telaq minn quddiem fuq il-Yamaha u żamm l-ewwel post sat-tmiem biex spiċċa qabel Miguel Oliveira u Joan Mir. B’din ir-rebħa Quarataro kabbar il-vantaġġ tiegħu fil-quċċata tal-klassifika fuq Francesco Bagnaia tad-Ducati, li ħabat ma’ Marc Marquez fl-ewwel tidwiriet tat-tellieqa u spiċċa barra. Mat-tmiem tat-tellieqa, Quartararo deher jipponta subgħajh lejn is-sema u ammetta li beka għas-sewwieq żagħżugħ, u saħansitra xejjer il-bandiera Żvizzera biex jonora lil Dupasquier.

Wara tlett itlielaq rebbieħ, Quarataro għandu 105 punti, bil-kompatrijott Franċiż Johann Zarco li issa tela’ fit-tieni post tal-klassifika ġenerali. Dan wara li fil-Grand Prix tal-Ħadd daħal fir-raba’ post u għandu 81 punt. Francesco Bagnaia niżel fit-tielet post meta baqa’ b’79 punt.

Il-kampjonat tal-Moto GP ikompli l-Ħadd li ġej bit-tellieqa ta’ Katalunja fi Spanja.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA