
Marc Marquez qiegħed jittama fi staġun pożittiv fejn matulu jieħu gost itellaq. Is-sitt darbiet champion Spanjol tal-Moto GP qiegħed jittama li l-2021 tidħaklu ħafn’aktar mis-sena li għaddiet, għax wara l-inċident li kellu f’Jerez, spiċċa bi tliet operazzjonijiet fi driegħu. Fl-inċident Marquez kiser driegħu lemini f’Lulju li għadda, u wara biss ġimgħa Marquez reġa’ pprova jtellaq u għarraq is-sitwazzjoni kollha għax l-ewwel operazzjoni ma swietu għalxejn.
It-tieni operazzjoni wkoll ma kenitx suċċess, bit-tielet operazzjoni ssirlu f’Diċembru li għadda. Is-soltu Marquez kien iħares lejn staġun ġdid tal-Moto GP bħala ċans ieħor li jżid mat-titli li diġà għandu, biss għal din is-sena qed jittama li jkun jista’ jieħu gost itellaq.
Għal dan l-istaġun Marc Marquez ser ikollu lil Pol Espargaro fl-istess tim ta’ Repsol Honda.
L-istaġun 2021 mistenni jibda fit-28 ta’ Marzu fiċ-Ċirkwit Internazzjonali ta’ Losail fil-Qatar.