Motorsport
Moto GP: Marc Marquez jittieħed l-isptar waqt l-ewwel provi liberi fit-Tajlandja

Is-sewwieq Spanjol Marc Marquez kellu jittieħed l-isptar wara li ħabat bil-mutur fuq iċ-ċirkwit ta’ Buriram. Marquez kien qiegħed idur waqt l-ewwel provi liberi, meta ħabat u deher evidenti li weġġa’ b’dan l-inċident. Fil-fatt, għal ftit minuti, Marquez baqa’ għarkupptejh sakemm irnexxielu jqum u mexa jzappap lejn l-ambulanza li ħaditu fiċ-ċentru mediku taċ-ċirkwit.

Minn filmati u ritratti li ħarġu aktar tard, Marquez deher fuq stretcher barra ċ-ċentru mediku taċ-ċirkwit, qabel ma ġie mtella’ f’ambulanza li ħaditu fi sptar lokali. Jidher li l-isptar qegħdin isirlu aktar testijiet sabiex ikun ċert li s-sewwieq Spanjol ma ġralu xejn, wara li t-testijiet preliminari kienu sodisfaċenti. Mill-informazzjoni li bdiet ħierġa, Marquez beda jgħid li għandu uġigħ f’siequ x-xellugija u f’dahru.

Marc Marquez fil-preżent jinsab fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa fil-Moto GP u fadallu bżonn 27 punt biex ikun iddikjarat rebbieħ għal staġun ieħor, is-sitt wieħed fil-karriera tiegħu. Il-Grand Prix tat-Tajlandja jista’ jkun il-mument fejn fih Marquez ikun iddikjarat rebbieħ jekk kemm-il darba jirnexxielu jġib żewġ punti aktar minn Dovizioso fit-tellieqa tal-Ħadd.

S’issa għadu mhuwiex magħruf jekk Marquez huwiex ser itellaq jew le, bit-tim tal-Honda jinsabu fuq ix-xwiek jistennew ir-riżultati mediċi għaliex jekk l-Ispanjol jispiċċa ma jtellaqx, allura ċ-ċans tagħhom li jirbħu l-kampjonat tal-kostrutturi jsir aktar diffiċli, meta kemm id-Ducati u anke l-Yamaha għadhom b’ċans tajjeb li jirbħu l-kampjonat huma.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Motorsport

Is-sewwieq mill-Afrika t’Isfel Giniel de Villiers rebaħ ir-Rally tal-Marokk 2019 wara sfida qawwija mal-Ispanjol Carlos Sainz. Fl-aħħar stadju ta’ dan ir-Rally de Villiers kellu mal-4 minuti distakk minn ma’ Sainz…

Motorsport

L-Ispanjol Carlos Sainz u l-Portugiż Paulo Goncalves rebħu l-kategoriji rispettivi tagħhom fir-raba’ stadju tar-Rally tal-Marokk li sar matul il-ġurnata tat-Tlieta. Fil-kategorija tal-karozzi, Carlos Sainz spiċċa l-istadju f’ħin ta’ 3 sigħat…

Motorsport

Wara t-tieni stadju tar-Rally tal-Marokk, Nasser Al-Attiyah tal-Qatar żamm postu fil-quċċata tal-klassifika fuq it-Toyota Hilux. Fl-istadju li sar qrib Fes, il-Marokk, iċ-champion tar-Rally ta’ Dakar żamm fuq quddiem, b’Stephane Peterhansel,…

Motorsport

Is-Sibt 28 ta’ Settembru, l-Old Motors Club Malta, organizza riċeviment għall-membri tiegħu u mistiedna oħra distinti kemm Maltin kif ukoll ħbieb tal-klabb minn Sqallija. L-Old Motors Club twaqqaf fl-1989 u…

Aktar