Motorsport
Motor Rally – Sebastien Ogier jirbaħ fil-Kroazja, jitla’ l-ewwel fil-klassifika

Iċ-champion tad-dinja Sebastien Ogier rebaħ ir-Rally tal-Kroazja fuq it-Toyota, 0.6 sekondi fuq it-tieni kompetitur. Il-Franċiż kien fuq quddiem is-Sibt filgħaxija b’6.9 sekondi, imma Elfyn Evans qabżu meta l-Ħadd filgħodu Ogier kellu inċident fi triq pubblika.

L-aħħar stadju tal-Ħadd beda b’Evans fuq quddiem, 3.9 sekondi distakk fuq Ogier, imma l-Franċiż kien veloċi tant li rnexxielu jirkupra l-iżvantaġġ u jżid 0.6 sekondi miegħu. Evans ta’ Wales spiċċa t-tieni filwaqt li l-Belġjan Thierry Neuville kien it-tielet fuq il-Hyundai.

Sebastien Ogier għandu 61 punt u jinsab fil-quċċata tal-klassifika wara tliet rallys, b’Thierry Neuville jinsab it-tieni bi 53 punt u Elfyn Evans it-tielet b’51 punt. Il-Finlandiż Kalle Rovanpera, li anke kien fil-quċċata tal-klassifika ġenerali, issa niżel fil-ħames post b’39 punt, wieħed taħt Ott Tanak fuq il-Hyundai.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA