Motorsport
Motorsport: Aktar minn 80 vettura jikkompetu fit-tieni rawnd tal-kwart ta’ mil tal-kampjonat nazzjonali

‘Il fuq minn 80 vettura bejn Karozzi, Muturi u Dragsters ikkompetew fit-tieni rawnd tal-kwart ta’ mil tal-kampjonat nazzjonali Enemed Drag Racing Championship li kien organizzat mill-Assoċjazzjoni tad-Drag Racing Maltija ġewwa t-trakka tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far mill-Ġimgħa 3 sal-Ħadd 5 ta Mejju.

Wieħed jista’ jgħid li apparti dawk is-sewwieqa li kellhom xi aċċident jew ħsarat kollha naqsu il-ħinijiet tagħhom b’mod konsiderevoli.

Fost il-ħafna oħrajn Chantelle Zammit għamet ħin ta 10.82 sekondi fuq karozza escort Mk1 magna Pinto ippreparata minn Mark Farrugia. Renald Farrugia fuq Mitsubishi FTO għamel rekord dinji ta’ 8.422 sekondi b’velocità ta’ 177.33 mil fis-siegħa, rekord għall Mitsubishi FTO mingħajr wheelie bar. Matthew Carabott, sewwieq ta’ Mr. Whippy Racing team għamel ħin ta’ 5.84 sekondi b’veloċità ta’ 234 mil fis-siegħa. Din l-avventura serviet ukoll ta’ taħriġ għat-tim peress illi fl-aħħar tax-xahar se jkun qiegħed jiddebutta ġewwa Santa Pod fl-Ingilterra.

Il-klassijiet Bracket intrebħu minn Mario Camenzuli, Semira Galea, Lesley Portelli, Michael Caruana, Emilio Vassallo, Godfrey Mallia, Clinton Degiorgio, Glenn Caruana, Marvic Galea, Jesmond Mallia u Paul Ciantar. Il-klassijiet Index intrebħu minn Clive Zammit, Michael Caruana u Semira Galea. Il klassijiet tal-muturi SS1 u Open intrebħu minn Luke Farrugia u Briegel Micallef rispettivament. Open Class 1, 2 u 3 intrebħu minn Paul Fenech, George Zarb u Patrick Scerri. Klassijiet D4 u D5 intrebħu minn Reuben Scicluna u Antoine Schembri. Front Wheel Drive Open u Front Wheel Drive Outlaw intrebħu minn Marvic Galea u Renald Farrugia. Garry Camilleri rebaħ l-Extreme 2 Class. Louis Vella rebaħ l-open 6 filwaqt li Christian Pace rebaħ iż-żewġ klassijiet Escort class 2 u class 3.

Ir-rawnd li jmiss ser ikun it-tielet round tal-kampjonat Enemed National Drag Racing Championship u ser isir fil-11, 12 u 13 ta Lulju, rawnd li jsir matul il-lejl.

Miktub minn...
TVM Sport