Motorsport
Motorsport: Issir is-Sim Racing Malta GT3 Casual Race fit-trakka ta’ Monza

Il-Ħamis l-14 ta’ Diċembru saret is-Sim Racing Malta GT3 Casual Race fit-trakka ta’ Monza. Il-ġurnata kienet imqassma b’30 minuta prattika, 15-il minuta kwalifikazzjonijiet flimkien ma’ żewġ tlielaq ta’ 15-il dawra mat-trakka ta’ Monza.

Fil-kwalifiki Bernard Vella jagħmel ħin impressjonanti ta’ 1:48.276 bil Ferrari 488 GT3, fejn żamm il- pożizzjoni tiegħu fl-ewwel post. Warajh kien hemm Keith Camilleri b’ħin ta’ 1:48.339 u fit-tielet post Alessandro Zahra b’ħin ta’ 1:48.693.

Fl-ewwel tellieqa Bernard Vella u Keith Camilleri jagħmlu ħruġ verament tajjeb, flimkien mal-kollega ta’ Keith Camilleri, Terence Grech warajhom fit-tielet post.

Camilleri mill-ewwel beda jattakka għall-ewwel pożizzjoni, pero` ma kinitx faċli għax Vella beda jiddefendi tajjeb għalkemm fis-7 lap irnexxielu jaqla’ lil Vella. Sfortunatament Camilleri jitlef il- kontroll tal-karozza fil-11-il lap u kellu jmur lura fil-pits. B’hekk Terence Grech ħa t-tieni pożizzjoni flimkien ma’ Ryan Mangion fit-tielet post u jibqgħu hekk sal-aħħar tat-tellieqa. B’hekk Vella jirbaħ l-ewwel tellieqa flimkien ma’ Grech u Mangion.

Kien hemm diversi penalitajiet mogħtija minn George Muscat li kien qed isegwi kull xufier tul it- tlielaq kollha rigward ċertu sewqan li ma kienx aċċettat.

It-tieni tellieqa kienet f’dik li jgħidulha reverse grid, fejn jinqalbu l-pożizzjonijiet bil-kontra skont kif ġew fl-ewwel tellieqa, b’hekk dawk li ġew fuq quddiem jibdew mill-aħħar pożizzjoni.

Ħarġa sabiħa minn Daniel Sammut li beda fl-ewwel post flimkien ma’ Sandro Zahra u Ryan Mangion.

Prestazzjoni sabiħa minn Bernard Vella, Keith Camilleri u Terence Grech li bdew mill-aħħar post u baqgħu tilgħin ‘il fuq. Tajjeb li ngħidu li għażilna din it-tip ta’ sistema ta’ żewġ tlielaq u t-tieni tellieqa tkun bix-xufiera jinbidlu għall-oppost  tal-pożizzjoni li kisbu fl-ewwel tellieqa, minn hemm tara l-potenzjal tas-sewwieq. Sewwieqa oħra li dehru promittenti kienu Omar Barbara li kellu tellieqa kostanti u żamm il-pożizzjoni tiegħu tul it-tellieqa.

Camilleri u Vella baqgħu jissieltu għal post fuq quddiem u bdew iqarrbu d-distanza ma’ Daniel Sammut li kien għadu fl-ewwel post u Terence Grech fit-tieni post. Fit-8 dawra Grech u Sammut laqtu lil xulxin u Terence tilef il-post tiegħu u spiċċa fir-raba’ post. B’hekk Vella u Camilleri spiċċaw fit-tieni u fit-tielet post u kienu ferm qrib li jilħqu lil Sammut li kien ‘il bogħod minnhom b’sekonda u nofs.

Vella ma tantx ħalla ħin jgħaddi għaliex fl-għaxar dawra għadda lil Sammut u ftit sekondi wara, Camilleri kiseb it-tieni post wara Vella. Sammut tilef il-konċentrazzjoni wara li għaddewh Keith u Bernard u tilef il-kontroll tal-karozza u spiċċa fil-ħames post.

Battalja kontinwa bejn Camilleri u Vella għall-ewwel pożizzjoni fejn Vella żamm il-konċentrazzjoni assoluta u baqa’ għaddej sal-aħħar dawra u rebaħ it-tieni tellieqa wkoll, flimkien ma’ Camilleri fit- tieni post u Terence Grech fit-tielet post.

Din kienet waħda mill-isbaħ tlielaq li qatt rajna s’issa organizzata minn Sim Racing Malta, u għalkemm kienet tellieqa bla rigali, xorta s-sewwieqa ħaduha b’mod professjonali għall-aħħar u b’hekk turi s-serjeta` ta’ dawn it-tlielaq li qed torganizza Sim Racing Malta.

Tajjeb li ngħidu li din it-tellieqa kienet imxandra live fuq Facebook, Youtube u Twitch u ġiet ikkummentata minn Joshua Jones, kummentatur professjonali tas-Sim Racing akkumpanjat minn Adrian Figallo, direttur ta’ Sim Racing Malta flimkien mad-diretturi l-oħra George Muscat, li kien qiegħed isegwi lix-xufiera kollha biex ma jagħmlu l-ebda affarijiet kontra r-regoli flimkien ma’ Justin Mifsud li kien qiegħed ixandar it-trasmissjoni live.

Sim Racing Malta għaddejja bil-preparamenti għal tlielaq oħra flimkien ma’ kampjonati għas-sena d- dieħla li hemm ħafna barranin lesti biex jikkompetu fihom. Infatti bħalissa għaddejjin il-kwalifiki għall-kampjonat Continental Cars Ltd Porsche 911 GT3 Cup 2018 fejn hemm sewwieqa li jsuqu fit- tlielaq reali professjonali. B’hekk qed nistennew tlielaq mill-isbaħ.

Miktub minn...
TVM Sport