Motorsport
Motorsport: L-FMM u l-WPR jingħaqdu biex jorganizzaw l-ewwel kampjonat nazzjonali Malta Sim Racing GT3

Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport u l-World Pro Racing ingħaqdu biex jorganizzaw l-ewwel Kampjonat Nazzjonali Malta Sim Racing GT3.

Il-kampjonat se jdum 10 ġimgħat u jiddetermina min ser jirrappreżenta lil Malta fl-FIA Games li se jsiru f’Pariġi, f’Ottubru li ġej. It-tieni u t-tielet finalist ikollom premju ta’ konsolazzjoni ta’ €1000 u €500, rispettivament.

L-avveniment jittella’ fil-faċilità tal World Pro Racing bis-sistema rFactor 2. Il-Ġimgħa se jkun hemm 3 sessjonijiet ta’ kwalifikazzjoni, 6 oħra is-Sibt u 4 sessjonijiet ta’ kwalifikazzjoni il-Ħadd b’kull sessjoni ddum 90 minuta segwita minn distakk ta’ 30 minuta biex is-sewwieqa jippreparaw għat-tellieqa li jmiss.

Wara l-kwalifiki, l-aqwa 100 sewwieq se jipproċedu għall-kampjonat ta’ 8 rawnds fi gruppi ta’ 10. Il-format tat-tellieqa tal-kampjonat ikollu prattika ta’ 15-il minuta u sessjoni ta’ kwalifikazzjoni, segwita minn tellieqa ta’ 30 minuta. Fl-aħħar tal-kampjonat, 20 sewwieq se jikkwalifikaw għall-kwarti tal-finali.

L-ewwel 2 ta’ kull grupp se jgħaddu għas-semifinali A & B.

Is-semi-finali se jikkonsistu f’sessjoni ta’ prattika ta’ 30 minuta segwita minn kwalifikazzjoni ta’ 30 minuta u tellieqa ta’ 60 minuta. L-aqwa 5 sewwieqa mis-semifinali jgħaddu għall-finali, li jikkonsistu fi prattika u kwalifikazzjoni ta’ 30 minuta u tellieqa ta’ 90 minuta.

Din se tkun opportunità għas-sewwieqa tas-sim racing biex jikkompetu mal-aqwa sewwieqa lokali u jkollhom iċ-ċans li jirrappreżentaw lil Malta fl FIA Games, f’Ottubru li ġej f’Pariġi.

Miktub minn...
TVM Sport