Motorsport
Motorsport: RPM eSports jieħdu sehem fil-Formula Sim Racing Winter Series 2018

It-tim professjonali ta’ Sim Racing Malta, RPM eSports kiber f’dawn l-aħħar jiem, daħlu tliet sewwieqa Maltin oħra biex jakkumpanjaw lil Keith Camilleri u lil Terence Grech. Dawn huma Omar Barbara, Brandon Tabone u Bernard Vella.

Fl-aħħar jiem id-diretturi ta’ Sim Racing Malta raw potenzjal kbir f’dawn is-sewwieqa u wara li osservaw diversi tlielaq iddeċidew li jinkluduhom fit-tim.

It-tliet sewwieqa ġodda ser ikunu qed jikkompetu fil-Formula Sim Racing Winter Series 2018.

F’din is-serje ta’ tlielaq, kibru l-aqwa xufiera professjonali fid-dinja, b’hekk hemm serjeta` kbira fl-organizzazzjoni kif ukoll min-naħa ta’ RPM eSports. Qed isir eżerċizzju regolari matul il-ġimgħa biex it-tim jikkumbatti mal-aħjar sewwieqa.

Is-Sibt is-6 ta’ Jannar saret l-ewwel tellieqa ġewwa Imola fejn it-tim kien ftit sfortunat wara li Terence Grech kellu problema fis-sistema u spiċċa ħareġ mit-tellieqa. Vella u Tabone intlaqtu iktar minn darba fit-tellieqa u spiċċaw f’pożizzjoni mhux pjaċevoli. Dawn huma affarijiet li jiġru fi tlielaq reali u m’hemmx kontroll fuqhom. Pero` dan ma jaqtax qalb it-tim ħabrieki ta’ RPM u diġa` qed isir eżerċizzju għat-tieni tellieqa li se ssir nhar is-Sibt li ġej ġewwa Algarve il-Portugal.

Sim Racing Malta għaddejja b’preparamenti għal kampjonati ġodda għal din is-sena kif ukoll proġetti oħra li se jiġu mxandra iktar ‘il quddiem.

Miktub minn...
TVM Sport