Futbol lokali
Nadur Youngsters jirbħu lil SK Victoria Wanderers u jżommu l-ewwel post fil-klassifika

GFA BOV GFL tal-Ewwel Diviżjoni

Nadur Y. FC  2-0  SK Victoria Wanderers FC

Żewġ gowls fit-tieni taqsima kienu biżżejjed biex Nadur għelbu lil SK Victoria Wanderers 2-0. Judivan Flor Da Silva fetaħ l-iskor fid-49 minuta u Joseph Zammit għamilhom 2-0 mas-siegħa logħob.

Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referee Alex Johnson.

B’din ir-rebħa Nadur Youngsters żammew fl-ewwel post tal-klassifika u għandhom punti daqs Għajnsielem, filwaqt li Kerċem Ajax jinsabu t-tielet bi 15-il punt.

 

GFA BOV GFL tat-Tieni Diviżjoni

Żebbuġ R. FC  3-0  Għarb R. FC

Żebbuġ Rovers kienu b’saħħithom wisq għal Għarb Rangers fl-ewwel logħba bejniethom mit-Tieni Diviżjoni li ntlagħbet fil-Kerċem Arkafort Stadium.

Eman Bugeja fetaħ l-iskor minn penalty fit-23 minuta u Żebbuġ żammew il-vantaġġ ta’ gowl sal-mistrieħ. Fit-73 minuta Matias Camilleri Psaila skorja t-tieni u mat-tieni minuta fuq il-ħin regolamentari Orlando Atzori għalaq il-logħba bit-tielet gowl.

B’hekk Żebbuġ fetħu l-kampjonat b’rebħa komda u għandhom punti daqs Qala Saints, tlieta. Munxar Falcons u St Lawrence Spurs għadhom ma lagħbu l-ebda logħba f’dan l-istaġun.

Ir-referee Jason Portelli kkontrolla l-konfront.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA