Motorsport
NASCAR: Kevin Harvick jirbaħ l-ewwel tellieqa wara s-sospensjoni minħabba l-pandemija

Fiċ-ċirkwit vojt ta’ Darlington Raceway irritorna n-NASCAR. Wara xahrejn sospensjoni ta’ dan l-isport, il-Ħadd kienet ġurnata importanti, li għalkemm bin-nuqqas tal-ispettaturi, xorta waħda kien hemm spettaklu sħiħ ta’ karozzi u sewqan. Għal din it-tellieqa ma sarux provi jew fażi ta’ kwalifikazzjoni, imma saret it-tellieqa mal-ewwel. Il-pożizzjoni ta’ minn fejn ser jitilqu s-sewwieqa kienet deċiża bil-polza u s-sewwieq Brad Keselowski kien il-fortunat li telaq minn qudddiem. Is-sewwieq Kevin Harvick ħareġ rebbieħ wara li kellu bidu xejn feliċi. Din kienet il-ħamsin rebħa fil-karriera tiegħu, u spiċċa quddiem Alex Bowman u Kurt Bosch.

Is-sewwieq t’44 sena ċċelebra r-rebħa tiegħu bħalma jagħmel is-soltu, billi dawwar il-karozza dawra tond għal diversi drabi. Is-soltu mossa simili kienet iġġib applawsi kbar mill-ispettaturi, imma did-darba ma’ kien hemm ħadd, ħlief eluf ta’ telespettaturi minn djarhom. Fuq iċ-ċirkwit, fejn is-soltu jkun hemm eluf ta’ nies, il-Ħadd ma kienx hemm aktar minn 900 persuna. Kull tim seta’ jdaħħal biss 16-il persuna, li kollha sarilhom test tad-deni qabel daħlu fiċ-ċirkwit. Barra dan, kulħadd kellu jilbes il-maskri protettivi.

U filwaqt li l-NBA, NHL u MLB għadhom qed jippruvaw isibu l-aħjar metodi kif jirritornaw għal-logħob, in-NASCAR bdew bl-ewwel tellieqa minn għoxrin li jridu jsiru f’temp ta’ 36 ġurnata. Fil-fatt, it-tieni tellieqa ser issir nhar l-Erbgħa li ġej.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA