Waterpolo
Neptunes jegħlbu lil San Ġiljan fil-logħba tal-ġurnata, b’rebħiet ukoll għal Ta’ Xbiex u Sliema

Kampjonat tas-Sajf

BOV Cross Overs 2021

Sirens Mecca Marine Enterprises  3-4  Ta’ Xbiex Amigos

Rebħa għal Ta’ Xbiex fuq Sirens fl-ewwel logħba li ntlagħbet l-Erbgħa filgħaxija fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq bil-punteġġ ta’ 4-3. L-ewwel sessjoni kienet mirbuħa minn Sirens 1-0, bit-tieni sessjoni tintemm mingħajr gowls. It-tielet sessjoni għamlet id-differenza għal Ta’ Xbiex għax rebħuha 4-0, u għalkemm Sirens wettqu rimonta fir-raba’ u l-aħħar sessjoni, skurjaw żewġ gowls biss mingħajr risposta mill-avversarji u b’hekk xorta waħda tilfu 3-4.

Il-gowls kollha taż-żewġ timijiet kienu skurjati minn plejers differenti. Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referees Richard Magri u Stefano Pinato.

 

Birżebbuġa Freeport  3-10  Sliema Frank Salt Real Estate

Fit-tieni logħba, Sliema kienu wisq b’saħħithom għal Birżebbuġa u rebħu l-logħba b’differenza ta’ 7 gowls, bil-punteġġ ta’ 10-3. Fl-ewwel sessjoni l-Islimiżi kienu diġà għalqu l-logħba wara li rebħuha 6-0. Fit-tieni sessjoni wasal l-ewwel gowl ta’ Birżebbuġa, imma xorta tilfu s-sessjoni 1-2. It-tielet u r-raba’ sessjoni ntemmew f’parità, l-ewwel 0-0 imbagħad 2-2 għal riżultat finali ta’ 3-10.

Jerome Gabarretta kien l-aqwa skorer għal Sliema wara li skorja ħames gowls waħdu, filwaqt li l-gowls ta’ Birżebbuġa waslu minn plejers differenti.

Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referees Alessandro Cavallini u Alex DeRaffaele.

 

Neptunes WPSC  11-10  San Ġiljan Mercury Towers

Fit-tielet u l-aħħar logħba f’Tal-Qroqq, Neptunes għelbu lil San Ġiljan 11-10. Dan il-konfront kien wieħed jaħraq, bil-Ġiljaniżi jirbħu l-ewwel sessjoni 3-2. It-tieni sessjoni ntemmet fi draw ta’ 2-2, b’Neptunes idawru l-logħba fit-tielet sessjoni meta rebħuha 4-2. Ir-raba’ u l-aħħar sessjoni ntemmet fi draw għal darb’oħra, did-darba 3-3.

Għal Neptunes, Jake Muscat, Gabriel Pace u Jordan Camilleri skurjaw 3 gowls kull wieħed, filwaqt li għal San Ġiljan Andreas Galea u Dino Zammit skurjaw tlieta għat-tim tagħhom.

Peter Balzan u Stefano Pinato kkontrollaw din il-logħba.

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA