Waterpolo
Neptunes jegħlbu lil Sliema u Marsaskala joħorġu rebbieħa fuq Ta’ Xbiex

Żewġ logħbiet, waħda minn kull diviżjoni fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, matul il-ġurnata tat-Tlieta.

Neptunes Leo Vegas 10  Sliema Frank Salt 6

Mill-Kampjonat Premier, Neptunes għelbu lil Sliema bil-punteġġ ta’ 10-6, f’logħba li prattikament kienet deċiża fit-tielet sessjoni. Sa tmiem l-ewwel sessjoni l-iskor kien ta’ 2-2, u fit-tieni sessjoni Sliema marru fil-vantaġġ meta rebħuha 3-1 u sa dak il-ħin l-iskor kien 3-5. Imma n-Neptunes ġew f’tagħhom fit-tielet sessjoni u rebħuha 5-1 biex dawru l-iskor favurihom 8-6. Huma rebħu wkoll ir-raba’ u l-aħħar sessjoni 2-0 għal riżultat finali ta’ 10-6.

L-aqwa skorer għal Neptunes kien Steven Camilleri li skorja 4, filwaqt li għal Sliema Norbert Hoznyansky skorja 2.

 

Marsaskala Fish & Fish 11  Ta’ Xbiex Amigos 10

F’logħba missielta ferm mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, Marsaskala skurjaw gowl aktar mill-avversarji f’logħba li produċiet 21 gowl. Fl-ewwel sessjoni Marsaskala kienu minn fuq 3-2, b’Ta’ Xbiex jagħmlu l-iskor indaqs fit-tieni waħda meta rebħuha 4-3. Ta’ Xbiex rebħu wkoll it-tielet sessjoni 2-1 biex momentarjament marru minn fuq għall-ewwel darba, imma Marsaskala reġgħu kisbu l-vantaġġ u r-rebħa fl-aħħar sessjoni meta rebħuha 4-2, għal riżultat finali ta’ 11-10.

L-aqwa skorers għal Marsaskala kienu Kristijian Milakovic u Konstantin Averka li skurjaw tlieta kull wieħed, filwaqt li għal Ta’ Xbiex Niccolo Gitto skorja 5.

 

Illum jintlagħbu żewġ logħbiet oħra fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq mill-Kampjonat BOV Premier fil-5.30pm M’Xlokk Browns – Exiles Elia Caterers u fit-8pm Sirens Greentube kontra San Giljan TUM Invest. Għada mill-kampjoant tal-ewwel diviżjoni Valletta Videoslots kontra B’Bugia Freeport.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA