Netball
Netball: All Ages rebbieħa tal-kampjonat U21 2017/18

It-tim ta’ Taħt il-21 Sena tal-Klabb All Ages Netball għadu kemm rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali tal-kategorija ta’ Taħt il-21 Sena. Dan il-Kampjonat jiġi organizzat kull sena mill-Għaqda Netball. Barra minn hekk, Sabrina Abugrin, li tilgħab fil-pożizzjoni ta’ Goal Keeper mal-istess tim, rebħet l-unur tal-Plejer tas-Sena għall-istess kategorija liema unur ġie mogħti lilha mill-Għaqda Netball.

It-tim żagħżugħ jikkonsisti minn plejers li l-età tagħhom tvarja bejn it-12 u d-19-il sena. Is-suċċess tat-tim huwa mibni fuq xogħol kontinwu u determinazzjoni kbira, flimkien mal-għajnuna u s-sapport tal-istaff tekniku u l-amministrazzjoni tal-Klabb All Ages Netball.

Minbarra dan it-tim, il-Klabb All Ages Netball għandu wkoll żewġ timijiet tal-adulti li matul dan l-istaġun it-tnejn ipparteċipaw fl-Ewwel Diviżjoni tal-Kampjonat. All Ages spiċċaw dan l-istaġun fit-tielet post tal-klassifika wara logħba deċiżiva. Iżda, klassifikaw ukoll fit-tieni post tal-kompetizzjoni tan-Knock Out. It-tieni tim, All Ages Too, ġie rrelegat għat-Tieni Diviżjoni.

Il-Klabb All Ages Netball huwa sinonimu mal-logħba tan-Netball f’pajjiżna. Sa minn mindu ġie mwaqqaf fl-1979, il-Klabb tal-All Ages Netball baqa’ għaddej b’mod konsistenti tant li llum il-ġurnata huwa l-iktar klabb li ilu stabbilit, b’parteċipazzjoni kontinwa fil-Kampjonat Nazzjonali. Bħalissa, il-Klabb qiegħed ifittex imsieħba li lesti jinvestu fih u fit-timijiet tiegħu għall-istaġun 2018/2019.

Miktub minn...
Sandro Micallef
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm Sports Panorama.
Aħbarijiet Oħra
Netball

Mill-Kampjonat Nazzjonali tan-Netball tliet logħbiet illum wara nofsinhar li ntlagħbu fil-kumpless sportiv ta’ Ħal Kirkop: All Ages Under21…..19 – Ta Xbiex Gladiators… 13 Strikers ……..32 – NRG A……10 u draw…

Aktar