Futbol internazzjonali
Newcastle UTD ser iżommu lill-manager Steve Bruce għal-logħba kontra Tottenham H.

Il-manager ta’ Newcastle United Steve Bruce ser jibqa’ fit-tmexxija tat-Toons għallinqas sa tmiem din il-ġimgħa. It-tmexxija ta’ St James’ Park qalet li Bruce ser immexxi lit-tim fil-logħba taħraq kontra Tottenham Hotspur u b’hekk ser jilħaq it-tragward ta’ 1,000 logħba bħala manager.

Minn mindu l-Geordies inxtraw mill-konsorzju mmexxi mill-Fond t’Investiment Pubbliku tal-Arabja Sawdija, kibret l-ispekulazzjoni li Steve Bruce lanqas iwassal sal-logħba kontra l-Ispurs, imma d-Direttur il-ġdid tal-klabb Amanda Staveley qalet li ser ikunu paċenzjużi fid-deċiżjonijiet tagħhom.

Fil-preżent Newcastle United jinsabu fid-19-il post tal-klassifika, qabel tal-aħħar, u wara seba’ logħbiet għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa. Jekk kemm-il darba din ma tasalx kontra Tottenham, probabbli tkun l-aħħar daqqa għal Steve Bruce qabel jitkeċċa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA