Futbol internazzjonali
Neymar qed jittama li jgħolli t-tazza taċ-Champions League ma’ Messi

It-tama tal-Brażiljan Neymar hi li jirnexxielu jgħolli t-tazza taċ-Champions League flimkien ma’ Lionel Messi ma’ Paris Saint-Germain.

Neymar kien qed jitkellem waqt intervista bħalha promozzjoni għat-turnew 5-a-side li qed jorganizza f’Pariġi. Il-Brażiljan għamilha ċara li t-tir tiegħu ma’ PSG hu li jirbaħ iċ-Champions League u sostna li jixtieq jirreplika dak li hu u sieħbu Messi għamlu ma’ Barcelona. Neymar ilu mal-Pariġini sa mill-2017, u s’issa baqa’ b’xiber imnieħer għax qatt ma rnexxielu jgħolli t-tazza ta’ ‘widnejha kbar’ ma’ PSG.

Neymar u Messi rebħu ċ-Champions League ma’ Barcelona fl-2015, u sentejn wara l-Brażiljan ħalla n-Nou Camp. Għaddew sitt snin u l-Arġentin segwa fuq il-passi ta’ sieħbu u mar fil-kapitali Franċiża. Qabel ma’ ngħaqad magħhom Messi, il-Pariġini kienu diġà tim b’saħħtu ħafna, u issa komplew jissaħħew bil-wasla ta’ Messi, Sergio Ramos u Gini Wijnaldum fost oħrajn.

Barra suċċess fuq livell domestiku, Neymar irid jilħaq tragward fuq livell internazzjonali meta qed jittama li jikser ir-rekord ta’ gowls li għandu Pelé mal-Brażil. Ir-rekord tal-ex still Brażiljan huwa ta’ 77 gowl u s’issa Neymar irnexxielu jiskorja 70. Neymar għamilha ċara li għalkemm jixtieq li jilħaq ir-rekord, bl-ebda mod ma jħossu tajjeb daqs Pelé jew inkella jħoss li jista’ jkun ikkumparat miegħu.

Fl-aħħar nett il-Brażiljan tkellem ukoll dwar kumment preċedenti li għadda f’intervista oħra, fejn ta x’jifhem li l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar ser tkun l-aħħar waħda għalih. Qal li fil-ħajja ma tistax tgħid x’jinqala’ u allura ma jistax jgħid li l-edizzjoni tas-sena d-dieħla ser tkun l-aħħar waħda tiegħu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA