Tennis
Novak Djokovic dubjuż jekk jiħux sehem fl-Open tal-Awstralja s-sena d-dieħla għax irid ikun imlaqqam kontra l-Covid-19

Tennisti u atleti oħra mhux imlaqqma probabbli mhux ser tinħarġilhom viża sabiex jidħlu fl-Awstralja. Dan intqal mill-Prim Ministru tal-Istat ta’ Victoria lbieraħ, bil-mistoqsija tqum dwar kemm Novak Djokovic ser jieħu sehem fil-Grand Slam li jmiss ta’ Melbourne.

Djokovic rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena imma probabbli ma jiddefendix it-titlu s-sena li ġejja jekk kemm-il darba ma jibdilx fehmtu fuq il-vaċċin u jiddeċiedi li jitlaqqam. Fil-preżent is-Serb rebaħ 20 Grand Slam, l-istess daqs Roger Federer u Rafael Nadal, u s’issa rrifjuta li jitlaqqam kontra l-Covid-19. Mistoqsi mill-ġurnalisti kmieni din il-ġimgħa dwar jekk tlaqqamx jew le, Djokovic ma weġibx imma qal li mhuwiex ċert jekk hux ser jiddefendi t-titlu fl-Awstralja fl-2022.

Il-Prim Ministru tal-istat ta’ Victoria Daniel Andrews qal li għandu dubji serji kemm atleti mhux imlaqqma ser jitħallew jidħlu fil-pajjiż, aħseb u ara fl-istat li jmexxi hu, li fih ser isir l-Open ta’ Melbourne. Kien fl-aħħar ġimgħat li l-istat ta’ Victoria għamilha mandatorja li t-tennisti li beħsiebhom jieħdu sehem fl-Open li jmiss iridu jkunu mlaqqma nkella ma jitħallewx jikkompetu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA