Futbol lokali
Numru ta’ ġimgħat barra għal Henry Bonello u Steve Borg … ser jitilfu ż-żewġ logħbiet li jmiss tan-nazzjonal

Aħbarijiet xejn sbieħ għall-goalkeeper Henry Bonello u d-difensur Steve Borg li t-tnejn li huma weġġgħu fl-aħħar logħba ta’ Malta kontra Ċipru nhar it-Tnejn li għadda.

Kien il-captain tat-tim Malti Steve Borg l-ewwel li laqtitu l-isfortuna. Mal-55 minuta Borg kien qed jiddefendi l-ballun miċ-Ċiprijott Sotiriou, meta deher jaqa’ waħdu mal-art u jżomm koxxtu. Għalkemm fi tmiem il-logħba Borg deher jimxi lejn id-dressing room u allura wieħed seta’ jaħseb li ma kellu xejn gravi, mhux l-istess indikaw it-testijiet li saru lid-difensur Malti mal-wasla tiegħu f’pajjiżna. Jidher li Borg ġibed parti mill-adductor tendon u kawża t’hekk ser ikollu bżonn rijabilitazzjoni ta’ 12-il ġimgħa.

Fit-tmenin minuta l-isfortuna messet ukoll lill-goalkeeper Henry Bonello. F’kontrattakk ta’ Ċipru, Bonello deher itajjar b’saqajh ix-xutt ta’ Pittas, imbagħad il-goalkeeper ta’ Ħamrun Spartans deher jibqa’ mwaħħal mal-art u m’għamel xejn biex jipprova jżomm il-ballun milli jidħol fix-xibka fuq il-konklużjoni ta’ Sotiriou. Fil-fatt, Henry Bonello kellu jiġi mibdul u għalkemm l-ewwel indikazzjonijiet dehru li seta’ kiser l-għaksa, test tal-MRI kkonferma li l-goalkeeper Ħamruniż ċarrat il-ligament. Bonello kkonferma ma’ TVMSport li għandu barra sitt ġimgħat qabel ikun jista’ jirritorna għat-taħriġ.

Dawn iż-żewġ injuries huma daqqa ta’ ħarta mhux biss għat-tim nazzjonali Malti, li ser ikun mingħajr iż-żewġ plejers importanti għal-logħbiet f’Ta’ Qali kontra l-Kroazja u l-Islovakkja, imma wkoll għat-timijiet rispettivi ta’ Ħamrun Spartans u Gżira United.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA