Sports Internazzjonali
Numru t’atleti jixhdu kif l-FBI naqset li taġixxi mal-ewwel meta rrappurtaw lit-tabib Larry Nassar b’abbuż sesswali

Erba’ atleti dehru quddiem il-Kumitat Ġudizzarju tas-Senat fl-Istati Uniti fejn fil-preżent qiegħda ssir inkjesta dwar il-mod kif l-FBI aġixxiet fil-każ ta’ Larry Nassar, it-tabib li bħalissa jinsab jiskonta numru ta’ sentenzi l-ħabs, fosthom pornografija u abbuż sesswali ta’ minuri. Nassar instab ħati fi tliet każijiet separati, fejn bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ 60 sena ħabs minħabba pussess ta’ ritratti espliċiti ta’ minuri, filwaqt li wara jrid jibda jiskonta sentenza ta’ 175 sena ħabs għall-abbuż sesswali li wettaq fuq l-atleti.

L-atleti McKayla Maroney, Simone Biles, Aly Raisman u Maggie Nichols, kollha taw ix-xhieda tagħhom dwar kif l-FBI m’aġġixxietx meta ċemplu u talbu għall-għajnuna.
Fi spjegazzjoni dettaljata, Maroney spjegat li lura fl-2015 damet tliet sigħat fuq it-telefon tirrakkonta dak li għaddiet minnu lill-FBI, saħansitra semmiet l-abbuż sesswali li għaddiet minnu matul l-Olimpjadi ta’ Londra tliet snin qabel. Minn rapport li ġie ppubblikat f’Lulju ta’ din is-sena, ħareġ kif l-FBI damet sena u nofs biex fetħet fajl bir-rapport ta’ Maroney, li ma kienx jirrappreżenta dak kollu li qalet li għaddiet minnu fuq it-telefon.

Kien l-Ispettur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Ġustizzja Michael Horowitz li f’Lulju li għadda ppubblika rapport fejn l-FBI kienet ikkritikata bl-aħrax għaliex wara li bdew deħlin ir-rapporti, Nassar tħalla għal sena u nofs oħra jaħdem mal-atleti u baqa’ għaddej bl-abbuż sesswali kontinwu. Jidher li d-Dipartiment tal-Ġustizzja m’attendiex għas-smiegħ tax-xhieda tal-erba’ atleti, fatt li ddiżappunta lill-atleti, lill-avukati u anke lill-membri tal-familja tagħhom. F’konferenza tal-aħbarijiet li nżammet wara s-smiegħ tax-xhieda, Aly Raisman għamlitha ċara li għad-Dipartiment tal-Ġustizzja l-abbuż sesswali tal-minorenni mhuwa xejn, għax qas biss attendew għas-seduta. Raisman kompliet tgħid li l-attitudni hija inaċċettabbli.

Kien f’Lulju 2015 meta l-President u Kap Eżekuttiv tal-Ġinnastika fl-Istati Uniti rrapporta l-allegazzjonijiet lill-FBI f’Indianapolis. Biss, l-Aġent Speċjali W. Jay Abbott, li dakinhar inzerta xogħol, ma fetaħx investigazzjoni, u l-intervista ma’ waħda mix-xhieda saret f’Settembru tal-istess sena. Barra minn hekk, din l-intervista qas kienet iddokumentata sa Frar 2017, u dan seħħ wara li l-pulizija arrestat lil Nassar għax kellu fil-pussess tiegħu ritratti espliċiti ta’ minorenni. L-arrest ta’ Nassar kien seħħ f’Diċembru 2016, imma ma kellu xejn x’jaqsam mal-abbuż sesswali kontinwu fil-konfront tal-atleti Amerikani.

Fix-xhieda tagħha quddiem il-Kumitat Ġudizzarju tas-Senat, il-ġinnasta Simone Biles qalet li magħhom għadha ma saritx ġustizzja u jridu r-risposti. “L-FBI għalqet għajnejha quddiemna,” issoktat tgħid Biles.

Id-Direttur tal-FBI Chris Wray qal li tkeċċa wieħed mill-aġenti li kien bagħbas max-xhieda ta’ Maroney li tat fl-2015. Wray qal, “Fuq l-ebda pjaneta, dak li seħħ ma jista’ jkun aċċettabbli.” Wray qal ukoll li m’hemm l-ebda skuża għall-mod kif bih imxiet l-FBI u talab skuża lill-atleti preżenti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA