Motorsport
Nyck de Vries jitla’ fl-ewwel post tal-klassifika wara tmiem il-ġimgħa diżastruż għal Sam Bird

Is-sewwieq tal-Mercedes Nyck de Vries tela’ fl-ewwel post tal-klassifika tal-Formula E meta fadal l-aħħar żewġt itlielaq f’Awwissu li ġej.

F’Londra, kienu żewġ sewwieqa Brittaniċi li ħarġu rebbieħa, Alex Lynn matul il-ġurnata tal-Ħadd u Jake Dennis is-Sibt. Alex Lynn fuq il-Mahindra ħareġ rebbieħ wara li Lucas di Grassi ntwera l-bandiera s-sewda minħabba ksur tar-regolamenti waqt li kien hemm is-safety car. Bil-penalità li qala’, di Grassi temm fit-tmien post. De Vries spiċċa t-tieni filwaqt li Mitch Evans fuq il-Jaguar daħal it-tielet.

Is-sewwieq Olandiż issa jinsab sitt punti fuq il-kompatrijott Robin Frijns, filwaqt li l-Brittaniku Sam Bird niżel fit-tielet post tal-klassifika u jinsab 14-il punt maqtugħ minn de Vries. Għal Bird it-tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien diżastruż meta ma temm l-ebda tellieqa.

Fil-klassifika tat-timijiet, sitwazzjoni taħraq bejn Envision Virgin Racing u Mercedes, b’tal-ewwel jinsabu 7 punti vantaġġ fuq tal-aħħar.

L-aħħar żewġi itlielaq li jtemmu l-kampjonat ser isiru fl-14 u l-15 t’Awwissu f’Berlin, il-Ġermanja.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA