Local Sports
Olimpijadi Tokyo 2020: Min huma l-atleti Maltin li jistgħu jirrapreżentaw lil pajjiżna ?

Hekk kif ninsabu biss 60 jum ‘il bogħod mill-ftuħ tal-Olimpijadi ta’ Tokyo TVM Sport qed jagħmel analiżi tas-sitwazzjoni lokali hekk kif diversi atleti Maltin għadhom imdendla jistennew risposta defenittiva jekk hux se jikkompetu fl-Olimpijadi ta’ dan is-Sajf hekk kif sa issa ebda atleta ‘elite’ Malti ma rnexxielu jikseb riżultat li jiswa’ kwalifikazzjoni awtomatika.

L-Iktar atleta li reqest viċin kienet l-għawwiema żagħżugħa Sasha Gatt li kisbet ‘Olympic Qualifying B’ fl-1,500m freestyle, iżda dan xorta m’hux garanzija għall-parteċipazzjoni Olimpika. Dan għaliex ir-regolamenti tal-FINA għall-kwalifikazzjoni għal Tokyo 2020 jispeċifikaw li l-parteċipazzjoni fl-għawm hija skond erba’ prijoritajiet li huma: 1. Atleti li jiksbu ħin ta’ kwalifikazzjoni ‘A’ Olympic Qualifying Time (OQT), 2. Atleti li se jieħdu sehem fir-Relays, 3. Universality Places u 4. Atleti li jiksbu ħin ta’ kwalifikazzjoni ‘B’ Olympic Selection Time (OST). B’kollox fl-għawm hemm kwota ta’ 878 atleta li se jiddaħħlu bil-Universality placing.

Meta kien intervistat waqt l-aħħar programm ta’ din l-iskeda tal-programm ‘Sports Panorama’ il-Ġimgħa filgħaxija fuq TVM2,  is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti Joe Cassar kien kawt ħafna meta mistoqsi min huma l-atleti Maltin li se jkunu magħżula biex jirrapreżentaw lill-pajjiżna.

Minn eżerċizzju li għamel TVM Sport jidher li n-numru ta’ ħames atleti li semma Cassar jistgħu jkunu fost dawn l-atleti li kienu tpoġġew fuq il-Long List oriġinali tal-KOM:

Eleonor Bezzina – Sparar (Air Pistol)

Wieħed minn; Brian Galea jew William Chetcuti – Sparar (Trap)

Waħda minn; Tenishia Thornton jew Yazmin Zammit Stevens – Weightlifting

Jeremy Saywell – Judo

Sasha Gatt – Mya Azzopardi Għawm (possibilita’ wkoll ta’ għawwiema ieħor)

Jordon Gusman – Atletika

Dan tal-aħħar forsi l-uniku wieħed li jista’ jipprepara l-passaport u l-ispike shoes tiegħu hekk kif il-ħinijiet tiegħu fl-10,000m ipoġġuħ f’pożizzjoni favorita li jkun f’Tokyo qabel l-oħrajn. L-IAAF poġġiet il-ħin ta’ 27:28.00 bħala kwalifikazzjoni fl-ispeċjalita’ ta’ Gusman fl-10,000m bil-Malti – Awstraljan se jipprova jikseb dan il-ħin f’meetings ewropej fix-xhar u nofs li ġej.

Intant hekk kif il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali stabilixxa d-data tad-29 ta’ Ġunju bħala l-aħħar data li fiha l-atleti jistgħu jiksbu l-ħin jew ir-riżultat tagħhom ta’ kwalifikazzjoni, il-verdett finali f’Malta min naħa tal-KOM mistenni jkun kommunikat eżattament fil-5 ta’ Lulju eżatt fl-aħħar jum li fih il-Kumitati Olimpiċi jridu jibagħtu l-lista finali tal-atleti tagħhom.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.