Sports Internazzjonali
Olimpjadi – Brisbane mistennija tirbaħ id-dritt li tospita l-Logħob Olimpiku 2032

Il-belt Awstraljana ta’ Brisbane resqet pass eqreb li tospita l-Olimpjadi 2032.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali approva l-offerta ta’ Brisbane, u l-vot finali mistenni jittieħed ix-xahar id-dieħel. Il-kapitali Queensland kienet magħżula bħala l-post ippreferut biex jiġu organizzati l-Olimpjadi 11-il sena oħra.

Il-vot finali ser jittieħed fil-21 ta’ Lulju li ġej, jumejn qabel jibdew l-Olimpjadi ta’ Tokjo.

Jekk Brisbane tirbaħ id-dritt li tospita l-Logħob Olimpiku, allura tkun it-tielet belt Awstraljana li rebħet dan id-dritt. Sydney fis-sena 2000 u Melbourne fl-1956, diġà ospitaw l-Olimpjadi.

Brisbane mhijiex l-uniku belt li tefgħet l-offerta tagħha biex tospita l-Olimpjadi 2032. L-isfida kienet ġejja mill-Indonesja, Budapest, iċ-Ċina, Doha, kif ukoll il-Ġermanja. Kien fi Frar li għadda li Brisbane marret fuq quddiem mal-kompetituri tagħha, minħabba n-numru kbir ta’ faċilitajiet preżenti.

L-istat ta’ Queensland kien diġà ospita l-Logħob tal-Commonwealth fl-2018.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA