Olimpijadi TOKYO 2020
Olimpjadi – Illum ser tkun ippubblikata t-tieni verżjoni tal-linji gwida għall-atleti u l-parteċipanti

L-organizzaturi tal-Olimpjadi ta’ Tokjo llum mistennija joħorġu t-tieni verżjoni tal-linji gwida relatati mal-Logħob Olimpiku u l-pandemija tal-Covid-19. Dawn il-linji gwida huma mmirati għall-atleti u l-parteċipanti tal-Olimpjadi fis-sajf li ġej.

Kien fi Frar li għadda meta ġiet ippubblikata l-ewwel edizzjoni tal-linji gwida, fejn fosthom kien hemm inklużi l-ilbies mandatorju tal-maskri f’kull ħin, iż-żamma tad-distanzi soċjali, kif ukoll l-ittestjar għall-virus minn tal-inqas kull erbat ijiem.

Fil-jiem li ġejjin, il-Kumitat Organizzativ, il-Gvern Ġappuniż, il-Gvern Metropolitan ta’ Tokjo, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u l-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali ser jiltaqgħu sabiex jiddiskutu l-linji gwida, bil-probabbilità li tinħareġ verżjoni oħra fil-ġimgħat li ġejjin.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA