Tennis
Olimpjadi – It-Tennist Nick Kyrgios iħabbar li mhux sejjer Tokjo

It-tennist Awstraljan Nick Kyrgios mhux ser jieħu sehem fl-Olimpjadi ta’ Tokjo wara li l-Gvernatur tal-belt kapitali Ġappuniża ħabbar li l-ebda spettaturi mhu ser jitħallew jidħlu fl-istadia u ċ-ċentri fejn ser isir il-logħob.

Kien kmieni l-Ġimgħa filgħodu meta Kyrgios ħabbar fuq il-midja soċjali li mhux ser ikun parti mit-tim Awstraljan għall-Olimpjadi. Minbarra r-raġuni tal-partitarji, Kyrgios semma’ wkoll li għandu bżonn jikseb saħħtu kollha lura.

L-Awstraljan ta’ 26 sena, li kien ukoll tilef l-Olimpjadi ta’ Rio fl-2016, qal li mhux ġust li jieħu l-opportunità lil tennist li jinsab f’saħħa fiżika aħjar minn tiegħu fil-mument. Matul il-ġimgħa li għaddiet, Kyrgios kellu jirtira mill-Open ta’ Wimbeldon fit-tielet rawnd kontra Felix Auger-Aliassime għax weġġa’ l-muskolu addominali.

Matul il-pandemija tal-Covid-19, Nick Kyrgios qatta’ ħafna mix-xhur fl-Awstralja, fejn saħansitra qas ħa sehem fl-Open ta’ Franza.

Kien matul il-ġurnata tal-Erbgħa li l-Prim Ministru Ġappuniż Yoshihide Suga poġġa lill-kapitali Ġappuniża fi stat t’emerġenza minħabba numru kbir ta’ każijiet ta’ Covid-19. Id-deċiżjoni tiegħu kienet segwita mid-deċiżjoni tal-Gvernatur ta’ Tokjo li ma jitħallewx spettaturi jsegwu l-Logħob Olimpiku bejn it-23 ta’ Lulju u 8 t’Awwissu.

 

 

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA