Olimpijadi TOKYO 2020
Olimpjadi: It-torċa olimpika tibda għaddejja mir-reġjun t’Akita, bil-Ġappuniżi juru fehmithom fi stħarriġ pubbliku

Filwaqt li t-tieni ġurnata tat-torċa olimpika fir-reġjun ta’ Yamagata kienet pjuttost waħda pożittiva, mhux l-istess jista’ jingħadd għall-istħarriġ pubbliku li sar mill-gazzetta Ġappuniża Yomiuri.

Skont dan l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, jidher li huma biss 50% tal-Ġappuniżi li jemmnu li l-Olimpjadi ser isiru kif ippjanat. Kien hemm 26% ta’ dawk li rrispondew li qalu li probabbli jsiru mingħajr spettaturi filwaqt li 48% qalu li l-Olimpjadi ser ikunu posposti jew ikkanċellati.

Jidher li l-Ġappuniżi qed jinkwetaw li l-protokolli li hemm fis-seħħ għall-atleti u l-kontinġenti mhumiex ebsin biżżejjed, kif ukoll il-Prim Ministru Yoshihide Suga naqqas il-popolarità tiegħu għal 37%.

Matul il-ġurnata tat-Tlieta t-torċa olimpika bdiet id-dawra fir-reġjun ta’ Akita, filwaqt li l-gvernatur ta’ Saitama Motohiro Ono ddeċieda li l-pubbliku mhux ser ikun jista’ jara t-torċa olimpika għaddejja mir-reġjun minħabba numru kbir ta’ każijiet ta’ Covid-19.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA