Olimpijadi TOKYO 2020
Olimpjadi – Jibdew iduru xnigħat li l-Logħob ser jiġi kkanċellat

Il-Prim Ministru Ġappuniż Yoshihide Suga qal li l-Gvern kien qiegħed jimxi b’determinazzjoni fid-direzzjoni tal-Olimpjadi ta’ Tokjo. Fil-Parlament huwa saħaq li ser ikompli jaħdem mill-qrib mal-belt ta’ Tokjo u mal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali sabiex il-Logħob Olimpiku jsir kif skedat fis-sajf li ġej.

Il-kummenti tiegħu waslu b’reazzjoni għal dak li beda jidher f’diversi ġurnali madwar id-dinja, li l-Gvern kien wasal għall-konklużjoni li l-Olimpjadi jiġu kkanċellati minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Skont l-istess rapporti, il-Ġappun kien diġà beda jiffoka li jorganizza l-Olimpjadi fl-2032 minflok din is-sena.

Ir-realtà fil-Ġappun xejn mhi inkoraġġanti. Sitt xhur qabel mhu suppost ser jibdew l-Olimpjadi, il-pajjiż jinsab għaddej mit-tielet mewġa tal-pandemija tal-coronavirus. Il-moral fil-pajjiż u fil-belt ta’ Tokjo huwa pjuttost baxx, tant li l-organizzaturi mhux ser jiċċelebraw għax fadal biss sitt xhur għall-bidu tal-Logħob Olimpiku. L-ebda fanfarra, l-ebda logħob tan-nar u l-ebda ċerimonja mhuma ser jimmarkaw l-aħħar sitt xhur ta’ stennija li jibdew mis-Sibt 23 ta’ Jannar.

Fi stħarriġ wieħed wara l-ieħor in-nies ta’ Tokjo qed jagħmluha ċara li l-Olimpjadi għandhom jiġu kkanċellati. Min-naħa tagħhom, l-organizzaturi tal-Logħob Olimpiku għadhom iridu jiddeċiedu jekk jiddaħħlux spettaturi fl-istadia, imma jista’ jkun li din id-deċiżjoni ma jkollhiex għalfejn tittieħed għaliex ikun ikkanċellat kollox.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA