Olimpijadi TOKYO 2020
Olimpjadi – Jintalbu 500 infermiera sabiex jassistu fil-Logħob Olimpiku tas-sajf li ġej

Il-Kap tal-Kumitat Organizzativ tal-Olimpjadi ta’ Tokjo Toshiro Muto qal li qed jintalbu 500 infermiera sabiex jgħinu matul il-Logħob Olimpiku.

Skont il-midja Ġappuniża, jidher li l-Kumitat Organizzativ talab lill-Assoċjazzjoni tal-Infermiera sabiex jgħinu billi jipprovdu l-istaff neċessarju f’kull post fejn ser jintlagħbu d-dixxiplini, kif ukoll fil-Villaġġ Atletiku.

Filwaqt li l-Ġappun qiegħed jiġġieled mewġa oħra tal-pandemija tal-Covid-19, ir-raba’ waħda fi 13-il xahar, il-Kumitat Organizzativ għadu għaddej bil-preparamenti tiegħu sabiex l-Olimpjadi jsiru kif ippjanat. Fl-aħħar ġimgħat reġgħu ddaħħlu dubji serji kemm il-Logħob Olimpiku jista’ jsir kif previst, hekk kif il-bliet t’Osaka u Tokjo tpoġġew fi stat t’emerġenza minħabba inċidenza għolja ta’ każijiet ta’ Covid-19.

Skont Muto, nhar il-Ġimgħa li ġej ser issir laqgħa importanti, fejn il-Kumitat Organizattiv ser jiltaqa’ mal-esperti mediċi sabiex jiddiskutu l-pjan u t-triq ‘il quddiem sal-Olimpjadi. Jidher li b’kollox ser ikun hemm sitt esperti mediċi li flimkien ser jibqgħu jiltaqgħu regolarment sabiex jiddiskutu miżuri speċifiċi relatati mal-Logħob Olimpiku.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA